Il-bniedem idum biex jifhem
Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkultural
- Anzi hemm drabi meta, minkejja dak kollu li jwettaq u jipprova jaqra, jibqa’ ma jifhimx. Irid fil-fatt jaċċetta: l-ewwel, li hemm dak li ma jifhimx, u wara, fit-tieni jifhem li ser jifhem meta ma jkunx għadu fehem. Jista’ jingħata farkien sbieħ f’mumenti partikolari jew f’okkażjonijiet diretti għalih. Hemm proċess li fih irid jimxi b’rasu ’l isfel, tħares lejn dak li qed jirfes, attent li ma jaqax iktar milli għandu fl-injoranza li jġorr kontinwament miegħu. Fil-prudenza li huwa mistieden jaqbad sabiex fl-umiltà li hija mistennija minnu jifhem aktar milli jista’ imma inqas milli jixtieq.
Ħadd differenti
- F’dan nibqa’ pass fil-ġenb, inħares u nipprova nifhem il-bniedem f’dan il-jum partikolari. Kemm persuni f’dawn il-gżejjer, minkejja kull mewġa kuntrarja li s-sekulariżmu ateu ġieb miegħu, jibqgħu jridu. Jibqgħu konvinti minnha. Jibqgħu dawk li jagħrfu li hemm triq li huma jistgħu jaqbdu sabiex isibu l-verità. Sabiex isibu tweġiba għad-domandi li kull ġurnata jiltaqgħu magħhom waqt li jkunu ftit fis-silenzju jew waqt li jsibu ruħhom jistaqsu lilhom infushom. Meta nibqa’, sena wara sena, nara bnedmin barra apposta, libsin bl-aħjar li għandhom, bit-tbissima fuq wiċċhom, jifirħu b’xulxin u jiftakru lura f’dak li sawwarhom, forsi għandi nifhem aktar.
Gratitudni
- Tul dawn il-jiem tar-Randan nammetti li fil-qari u fir-riflessjoni mxekkla tiegħi ħassejt li parti kbira tal-poplu Lhudi kienet grata lejn Sidna Ġesù Kristu. Dawk li huwa qabeż għalihom. Dawk li huwa fejjaq. Dawk li biddel minn ġewwa. Dawk li kienu mingħajr vuċi, bħar-rgħajja, il-lebbrużi, in-nisa saru xhieda u ħabbara ta’ ħidmietu u kliemu. Meta taqra l-Vanġeli tmiss direttament mal-fatt li l-pajjiż kien jaf bih u kien tkellem dwar dak kollu li wettaq. Ma kellu xejn kontra tiegħu u anzi, mar fejn mar, wettaq ġid biss. Fejjaq, kif nafu, diversi li kienu ilhom snin twal morda b’atti miftuħa, diretti, perfetti, u ta’ dak il-ħin. Ma kontx timla xi applikazzjoni twila u kkumplikata; anqas ma kont tintbagħat id-dar tistenna xi telefonata mingħandu. Diversi fiequ billi biss messewh u ma kellmuhx jew talbuh.
Forsi nifhem
- F’dan nifhem il-fiduċja li wieħed għandu jkollu fil-parti t-tajba tal-bniedem. Meta wieħed jikkunsidra mill-ġdid il-proċess legali Lhudi quddiem is-Sanedrin, li għalkemm fl-aħħar kien taħt idejhom, wara ma setgħux isibu xhieda biex isibuh ħati. Il-qassisin il-kbar li kienu jikkomponuh kellhom aġenda li l-poplu ma kienx lest li jsostni. Kienu jafu li kien ġid biss li għaddielhom. Biddel il-ħajja ta’ diversi: familji, komunitajiet raw kif fih sabu l-ferħ u l-paċi. Ħadd ma kellu xi jgerger kontra tiegħu. Il-popolarità pożittiva u veritiera tiegħu kienet xterdet u ma kinitx, b’xi mod, ser tieqaf. Ilkoll nafu li aħna diġà nibqgħu nirriflettu fuq il-mirakli li wettaq, li hemm miktuba fil-Vanġeli. Nafu wkoll li San Ġwann l-Evanġelista jagħlaq kitbietu billi jafferma li hemm ħafna x’tirrakkonta. Niftakru li fl-aħħar nett kiteb hekk: “Hemm ħafna ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù li kieku kellhom jinkitbu waħda waħda, naħseb li d-dinja kollha ma tkunx tesa’ l-kotba li jinkitbu.”
Ħafna
- Fiċ-ċert ma kinux il-‘ftit’ li nkiteb dwarhom, imma l-ħafna li aħna ma nafux imma li huma kienu jafu. Bnedmin varji messew miegħu u ħassew il-ferħ ta’ kliemu u ta’ għemilu. Tliet snin sħaħ, jum wara jum, ta’ laqgħat u aġir ma’ persuni differenti.
Bnedmin li kienu grati għalih fil-mod li bih, għalihom, inbidel kollox. Anki jekk qatluh u ppruvaw jeliminawh mill-istorja, xorta baqa’ hemm. Xorta l-messaġġ tiegħu baqa’ jitkattar u jagħti ferħ lill-oħrajn. Baqa’ dak li jmexxi lill-bniedem sabiex ikun strument tas-sewwa. Messaġġ li kull min jimxi miegħu u fih jifhem iktar l-iskop ta’ ħajtu. Jifhem aktar kemm ma nħalaqx ta’ xejn. Kemm hemm raġuni ċara li ġie msejjaħ għaliha sabiex ikun rilevanti. F’Ħadd il-Għid il-Kbir, dan l-ispirtu ta’ Ferħ, wara tant sekli għadu jidwi, u b’saħħtu. Il-poplu ngħata l-libertà tal-ferħ u għadu grat, japprezzaha.
Mill-qalb nawgura l-Għid il-Kbir it-Tajjeb lilek, Sur Editur, kif ukoll lil dawk li jgħinu sabiex din il-gazzetta toħroġ u d-diversi li jaqrawha.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

