Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku
Il-problema tad-droga qatt ma għandha tkun politiċizzata, minkejja li bi sfortuna ngħid li f’Malta donnu kollox jiġi ppolitiċizzat. Tista’ tgħid li jeżisti kunsens ġenerali, kemm lokalment kif ukoll madwar id-dinja li d-droga tagħmel biss ħsara. Mill-banda l-oħra jeżisti wkoll qbil li l-kannabis mediċinali jista’ jkun ta’ benefiċċju għal xi wħud. Iżda l-Partit Laburista li sabiex tela’ fil-Gvern u biex iżomm maġġoranzi kbar ra kif għamel biex jingħoġob ma’ kulħadd. Inkluż ma’ min kellu interess li l-kannabis ma tibqax droga meqjusa illegali u li twassal għal pieni bħal drogi oħrajn.
Kien għalhekk li l-Gvern Laburista għadda l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis f’Malta u r-riformi riċenti li wasslu għal dekriminalizzazzjoni u regolamentazzjoni parzjali tal-użu personali saru minkejja li kienu ħafna l-esperti li tkellmu kontra tagħhom. Il-Gvern Laburista ma tax widen lanqas tal-Partit Nazzjonalista li saħaq li l-Gvern se jkun qiegħed jinnormalizza t-teħid tad-drogi kif ukoll li evidentament ma kienx hemm ir-rieda li s-salvagwardji mniżżla fil-liġi jiġu implimentati.
Għalhekk it-teħid tal-kannabis sar tista’ tgħid ‘free for all’. Għax mhux veru li l-kannabis qiegħda tiġi kkunsmata fil-privat, imma saħansitra f’postijiet pubbliċi, fl-apert, quddiem kulħadd.
Il-politika attwali tal-kannabis ilha tiġi kkritikata għax ħafna jqisuha li qed tinnormalizza l-użu fost iż- żgħażagħ, billi toħloq ambjent fejn is-sustanza tidher aktar aċċettabbli u inqas perikoluża, minkejja r-riskji magħrufa tagħha fuq l-iżvilupp u s-saħħa mentali. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ infurzar effettiv, fejn ir-regoli dwar il-pussess u l-użu spiss jitħallew fil-karta aktar milli jiġu applikati fil-prattika, u dan iwassal għal abbużi potenzjali u tkabbir ta’ suq griż diffiċli biex jiġi kkontrollat. Kritika oħra hija l-pressjoni dejjem tikber fuq is-sistema tas-saħħa, partikolarment fil-qasam tas-saħħa mentali, hekk kif żieda fl-aċċessibilità tal-kannabis tista’ twassal għal aktar każijiet relatati ma’ ansjetà, dipressjoni u disturbi oħra. Fl-aħħar nett, ħafna jaraw il-politika bħala waħda li toħloq impatt fuq il-valuri soċjali u familjari, għax Malta dejjem kienet pajjiż li jagħti prijorità lill-familja, dixxiplina u stil ta’ ħajja b’saħħtu u għalhekk hemm tħassib li l-kannabis qed issir wisq normalizzata f’ambjent li tradizzjonalment jippromwovi prevenzjoni u responsabbiltà.
F’dan il-kuntest, wieħed jista’ jibda jifhem kif ftehim riċenti bejn l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) fetaħ kontroversja ġdida f’Malta u qajjem dibattitu wiesa’ dwar x’inhu messaġġ pubbliku responsabbli meta jiġu involuti tfal u żgħażagħ. Skont il-ftehim, madwar 160 tifel u tifla se jirċievu għajnuna finanzjarja biex jipparteċipaw fl-isport, bi 75% tal-fondi ġejjin mill-ARUC u l-bqija mill-MFA.
Fi żmien meta r-riformi tal-kannabis diġà qed iqajmu dibattitu nazzjonali, dan il-pass qajjem mistoqsijiet fundamentali dwar ir-rwol tal-Awtorità u dwar kif il-kannabis qed jiġi ppreżentat lis-soċjetà, b’mod speċjali lit-tfal. U kif kien mistenni f’socjetà li taf tagħraf it-tajjeb mill-ħazin, il-ftehim bejn l-ARUC u l-MFA ġab reazzjonijiet qawwija mill-Partit Nazzjonalista, kif ukoll minn esponenti ewlenin tal-Partit Laburista stess, u minn entitajiet soċjali u tas-saħħa.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg kien wieħed mill-aktar kritiċi qawwijin. Huwa ddeskriva d-deċiżjoni bħala sinjal li “messejna l-qiegħ” u saħaq li ebda awtorità marbuta mal-kannabis m’għandha qatt tidħol f’assoċjazzjoni ma’ attivitajiet sportivi għat-tfal.
Huwa saħaq li l-Gvern qed jagħmel propaganda aktar milli jappoġġja l-isport, u li dan juri nuqqas ta’ fehim dwar x’jirrappreżenta l-isport f’ħajja b’saħħitha. Sostna li l-ftehim qed jibgħat messaġġ żbaljat u perikoluż lit-tfal u enfasizza li f’sitwazzjonijiet bħal dawn għandha tingħata konsiderazzjoni serja lill-pożizzjoni tal-Kummissarju għat-Tfal, fid-dawl tal-impatt potenzjali fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Huwa tenna li l-isport u n-nurseries għandhom jiġu sostnuti, iżda mhux mill-ARUC u mhux b’fondi li jistgħu jżidu l-konfużjoni dwar il-kannabis fost iż-żgħażagħ.
Reazzjonijiet ħarxa mill-kamp tal-Labour inkludew dak tal-Ministru tal-Edukazzjoni, Clifton Grima, li ma ddejjaq xejn jikkritika bil-qawwa kollha il-ftehim bejn l-ARUC u l-MFA, u saħansitra iddeskrivieh bħala “nuqqas ta’ ħsieb” minħabba l-kontradizzjoni li entità li tirregola l-kannabis qed tiffinanzja inizjattiva sportiva għat-tfal, meta l-kannabis tibqa’ sustanza pprojbita fl-isport kompetittiv. Huwa wissa’ li l-iskema tista’ tibgħat messaġġi mħallta lil tfal u żgħażagħ u sostna li l-ftehim qajjem dubji serji dwar kemm hu xieraq dan il-finanzjament.
Saħansitra, l-Eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, kif ukoll Chairman tal-Malta Premier League, Joseph Muscat, iddistanza ruħu totalment minn dan il-ftehim atroci u ċaħad li l-MPL kellha xi sehem jew influwenza fil-ftehim.
Neville Gafà, esponent ieħor Laburista, ukoll ħareġ qatta bla ħabel kontra s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, u akkużaha b’ipokrezija fil-mod kif baqgħet tiddefendi l-ftehim bejn l- ARUC u l- MFA minkejja l-kritika wiesgħa. Huwa qal li l-ftehim ipoġġi lill-Awtorità tal-Kannabis fil-qalba tal-finanzjament għan-nurseries tat-tfal u dan jikkostitwixxi kunflitt morali profond. Huwa tenna li l-pożizzjoni ta’ Buttigieg li tiddefendi l-ftehim, hi mhux biss żbaljata imma wkoll nieqsa minn etika.
Caritas Malta wissiet li l-użu tal-isem ‘Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis’ f’kuntest li jinvolvi tfal joħloq messaġġ ambigwu u ta’ ħsara, għax jista’ jdgħajjef l- isforzi ta’ prevenzjoni tad-drogi u jkun insensittiv lejn familji li diġà sofrew konsegwenzi negattivi mill-użu tal-kannabis. Min-naħa tagħha, il-MCESD iddeskriviet il-ftehim bħala żball fil-ġudizzju, (“error of judgement”) u qalet b’mod ċar li ebda sponsorizzazzjoni relatata mal-kannabis m’għandha qatt tkun assoċjata ma’ attivitajiet tat-tfal, peress li l-isport għandu jibqa’ marbut ma’ valuri ta’ saħħa, dixxiplina u ħajja nadifa – valuri li huma fid-diżgwid totali mal-kannabis.
Sadanittant, fl-aħħar tal-ġimgħa, l-MFA ħarġet stqarrija tgħid li qed tagħti każ it-tħassib pubbliku dwar l-iskema bejnha u l-ARUC u ħabbret ukoll il-ħolqien ta’ Kumitat ta’ Sponsorizzazzjoni fil-Livell Bażiku li se jfassal linji gwida u jara li l-aħjar interessi tat-tfal jibqgħu dejjem prijorità, filwaqt li l-Assoċjazzjoni tkompli ssaħħaħ il-governanza, it-trasparenza u l-prattiki ta’ sponsorizzazzjoni responsabbli.
F’sistema diġà mċajpra bir-riforma tal-kannabis, ħafna raw il-ftehim bejn l-ARUC u l-MFA bħala pass fid-direzzjoni ħażina, fejn żewġ oqsma li qatt ma kellhom jiltaqgħu – droga u tfal – għamlu koalizzjoni politika u soċjali. Għall-Partit Nazzjonalista, il-pożizzjoni hija waħda ċara! Il-kannabis tibqa’ droga u l-isport tat-tfal għandu jibqa’ spazju nadif minn kull influwenza relatata mad-droga.
Il-kritika li ssir lejn il-politika tal-kannabis f’Malta mhix biss ġustifikata, iżda meħtieġa. Hija biss permezz ta’ diskussjoni miftuħa u onesta li pajjiż jista’ jimxi ‘l quddiem u jiżgura li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu verament fl-interess tal-poplu kollu. Malta jixirqilha aħjar anke f’dan ir-rigward.
Il-politika tad-duħħan tal-Gvern Laburista qiegħda jkollha konsegwenzi negattivi fuq is-soċjetà Maltija. Partit Nazzjonalista fil-Gvern jassigura li l-interess u l-ġid komuni jkunu dejjem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Il-messaġġ li wassal il-Kap Alex Borg jikkonferma li għall-Partit Nazzjonalista l-valuri sodi jibqgħu jiġu l-ewwel u qabel kollox.
Nieħu din l-okkażjoni wkoll biex nawgura l-Għid it-tajjeb lil kulħadd. Din hija festa li tqawwilna t-tama għal ħajja aħjar fejn għada jkun aħjar mil-lum.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

