Konfermati l-viżjoni fit-tul u l-ħidma proattiva tal-Partit Nazzjonalista
7 xhur ilu, proprju f’Awwissu li għadda, il-Partit Nazzjonalista grazzi għall-ħidma tax-Shadow Minister Eve Borg Bonello kien preżenta dokument ta’ konsultazzjoni bl-isem ‘Innaddfu lil Malta’ li jelenka s-soluzzjonijiet proposti għall-isfidi ta’ pajjiżna fl-immaniġġjar tal-iskart u l-indafa pubblika.
Il-pjan kien propju jindirizza l-problemi urġenti li qed jolqtu l-aktar żoni b’popolazzjoni densa fil-pajjiż u jfassal triq lejn komunitajiet aktar nodfa u b’saħħithom għal kulħadd.
Id-dokument kien isejjaħ għal azzjoni immedjata li tirrifletti soluzzjonijiet għal ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, kif ukoll għan-negozji u għal esperjenza ta’ livell għoli li pajjiżna jista’ jagħti lit-turist li jiġi jżuruna bbażati fuq konsultazzjoni flimkien ma’ viżjoni fit-tul.
Fost oħrajn f’dan id-dokument kien propost kontenituri tal-iskart taħt l-art li tfisser li dawn ikunu issiġillati kif ukoll installati taħt il-bankini, li jnaqqsu r-riħa u jrażżnu l-pests; ċioè firien, nemus u wirdien fost oħrajn.
Dak iż-żmien il-Gvern Laburista kien saħaq li dan ma setgħax ikun possibbli. Madanakollu, 7 xhur wara, il-Labour se jkun qiegħed proprju jaddotta l-proposta tal-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif grazzi għall-ħidma proattiva mill-Oppożizzjoni, il-MaltaToday qed tirraporta li s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield ħabbar li ġew identifikati 10 siti sabiex jiġu installati taħt l-art dawn il-bins fost oħrajn fis-Swieqi, Sliema Qawra u San Pawl il-Baħar.
Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista
F’Awwissu 2025, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta d-dokument ta’ konsultazzjoni “Innaddfu lil Malta” – viżjoni konkreta u dettaljata dwar kif tista’ titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin permezz ta’ gbir aħjar tal-iskart, ambjent aktar nadif, u infrastruttura urbana moderna. Dak id-dokument twieled minn ricerka, konsultazzjonijiet, u impenn ġenwin mal-komunità.
Waħda mill-proposti ċentrali ta’ dak id-dokument kienet l-introduzzjoni ta’ bins tal-iskart taħt l-art f’żoni residenzjali u turistiċi. Il-Gvern, dak iż-żmien, ma laqax din il-proposta. Anzi, kien ħareġ jgħid li difficli titwettaq.
Issa, il-Gvern illum ħabbar l-installazzjoni ta’ dawn il-kontenituri tal-iskart taħt l-art f’għaxar żoni madwar Malta, kif ġie rrappurtat mill-MaltaToday.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ din id-deċiżjoni dwar proposta tal-Oppożizzjoni li l-Gvern Laburista issa qed jagħmilha tiegħu – proposta li minnha huwa l-poplu Malti li se jibbenefika.
Il-bins taħt l-art huma biss waħda mill-proposti tad-dokument “Innaddfu lil Malta” li jinkludi wkoll il-proposta li tiżdied il-frekwenza tal-ġbir permezz ta’ trakkijiet b’kompartimenti separati; flotot tal-iskart elettriċi; l-adozzjoni tat-teknologija intelliġenti li tgħin fl-ippjanar ta’ rotot aktar effiċjenti; infurzar aktar konsistenti tal-liġijiet eżistenti – inkluż l-obbligu li kuntratturi jnaddfu wara xogħlijiet tal-kostruzzjoni; u l-estensjoni ta’ sistemi ta’ stewards fuq il-mudell tal-Belt Valletta għal aktar lokalitajiet.
Id-dokument jirrikonoxxi wkoll li bajjiet, marinas, u żoni rurali jeħtieġu miżuri speċjalizzati.
Id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jadotta din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista turi b’mod ċar kemm il-PN qed iressaq proposti ta’ kwalità u saħanistra mill-oppożizzjoni qed iwettaq ħidma biex joħroġ b’soluzzjonijiet studjati li jkunu bbażati fuq riċerka serja u fl-interess nazzjonali.
B’dawn il-miżuri, il-Partit Nazzjonalista diġà qed iħalli impatt fuq il-pajjiż mill-bankijiet tal-oppożizzjoni, aħseb u ara x’jista’ jagħmel jekk ikun fil-gvern.
//= $special ?>

