Il-Kunsill Lokali tal-Floriana ħabbar attività “TAĦT IL-LOĠOĠ” – Artisanal Market, li se ssir il-Ħadd 12 ta’ April fi Triq Sant’Anna, il-Floriana, bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar.
Din l-attività qed tiġi organizzata wkoll fl-okkażjoni ta’ Jum il-Furjana, ċelebrazzjoni annwali li tfakkar l-identità kulturali u storika tal-lokalità, u li tlaqqa’ flimkien il-komunità Floriana f’atmosfera ta’ festa u parteċipazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-binja tal-Kunsill Lokali Floriana, ħarġu l-aħħar dettalji ta’ din l-attività li hija inizjattiva ohra tar-Regional Mosaic, parti mill-programm tar-Reġjun Port li huwa r-Reġjun Kulturali 2026.
Il-President tar-Reġjun, Paul Farrugia tenna li attivitajiet bħal dawn jwasslu aktar ir-rikezza ta’ dan ir-reġjun, fejn kull lokalità se tkun qed tospità attivitajiet kulturali li jżewqu l-lokalitajiet tal-Port.
Veronika Mercieca, il-Manager Kulturali tar-Reġjun qalet li l-attività se tlaqqa’ flimkien numru sabiħ ta’ esebituri u artisti lokali, b’madwar 50 stand artiġjanali li se joffru varjetà ta’ prodotti magħmulin bl-idejn, ikel u xogħol kreattiv. Se jkun hemm ukoll spazji ta’ rilassament, henna stand, arti fit-triq (3D street art) u diversi attivitajiet li joffru esperjenza għal kull età.
Fl-istess konferenza intqal li matul il-jum, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi programm varjat ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi. Dan jinkludi klassijiet tal-arti għat-tfal fil-beraħ, esibizzjonijiet mużikali minn The Vilhena Band u l-grupp SKALD, kif ukoll prestazzjonijiet mill-Il-Gazin Jazz Quartet. Barra minn hekk, se jsiru wirjiet taż-żfin minn Swing Island Malta u workshops interattivi relatati mal-mużika u l-jazz, li joffru esperjenza aktar parteċipattiva għall-attendenti.
Fil-kummenti tagħhom, is-Sindku Nigel Holland u l-Viċi Sindku James Aaron Ellul qalu li ll-Kunsill Lokali tal-Floriana jistieden lill-pubbliku ġenerali biex jattendi għal din l-attività li tgħaqqad l-arti, il-kultura u l-komunità f’ambjent uniku fil-qalba tal-Floriana, filwaqt li jiċċelebra Jum il-Floriana b’mod vibranti u inklussiv. Huma fakkru li għall-finijiet tal-attività, Triq Sant’Anna se tkun magħluqa għat-traffiku matul il-ħinijiet tal-avveniment sabiex jinħoloq spazju sigur u aċċessibbli għall-pubbliku kollu.
//= $special ?>

