Lokali

Tissokta l-kritika b’rabta mal-ftehim tal-kannabis

L-għan tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis qatt ma kien li jiġi nnormalizzat l-użu tas-sustanzi – il-ftehim bejn in-nurseries u l-ARUC huwa kontradizzjoni kbira.

Sostniet dan l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Mariella Dimech mal-gazzetta MaltaToday fejn insistiet li min imexxi m’għandux idea ta’ x’qed jagħmel.

Dan wara li s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qed tibqa’ twebbes rasha u tisħaq li għamlet l-aħjar deċiżjoni wara li ppresediet ftehim bejn in-nurseries tat-tfal u l-ARUC b’rabta ma’ finanzjament tal-awtorità.

Dimech sostniet li sponsorships ġejjin mill-bejgħ tal-kannabis hija azzjoni li ma tippromwovix t-tnaqqis jew il-prevenzjoni tas-sustanzi bl-ebda mod.

B’rabta ma’ dan kollu saħansitra l-Ministru responsabbli mill-Isport u ħabib ta’ Buttigieg, Clifton Grima sostna li tali ftehim ċertament kien magħmul b’nuqqas ta’ viżjoni; filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg insista li d-deċiżjoni tal-Gvern kienet waħda skandaluża.

Madanakollu Rebecca Buttigieg qed tibqa tiddefendi tali ftehim, minkejja l-kritika saħansitra minn sħabha stess tal-Kabinett.

Intant l-MFA ħadet il-passi neċessarji, qabel il-Gvern innifsu, u waqfet kumitat ippresedut mill-Professur Andrew Azzopardi fost l-oħrajn sabiex janalizzaw dawn it-tip ta’ deals fejn ikollhom x’jaqsmu tfal.