Żewġ aħwa nstabu ħatja li weġġgħu ħafif raġel waqt argument li seħħ f’Ħaż-Żebbuġ nhar il-Ħadd il-Għid filgħaxija, f’post tad-divertiment. Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, il-prosekuzzjoni spjegat li l-inċident beda meta żewġ aħwa tfajliet flimkien mal-għarus ta’ waħda minnhom għarfu lil wieħed mill-akkużati.
Waħda mit-tfajliet avviċinatu u qaltlu li ma kellux għalfejn jinvolvi ruħu ma’ oħtha, u minn hemm l-affarijiet eskalaw f’argument. Is-sitwazzjoni tant spiċċat b’tensjoni kbira li bouncer kellu jintervjeni u jeskorta lill-persuni involuti barra mill-post. Fil-Qorti ntqal ukoll li allegatament intuża oġġett simili għal ‘grinder’, jaħdem bil-batterija, għal skopijiet ta’ intimidazzjoni.
L-aħwa Roderick Montesin ta’ 38 sena u Melvin Montesin ta’ 36 sena, residenti s-Siġġiewi, ġew arrestati u ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom. Il-Qorti sabet lil Melvin Montesin ħati wkoll li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fil-vittmi, li heddidhom u li weġġa’ ħafif lil waħda mit-tfajliet, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu.
Fir-rigward tas-sentenzi, Roderick Montesin tqiegħed taħt ordni ta’ probation u nħarġet ordni ta’ trażżin kontrih għal sentejn. Melvin Montesin, min-naħa tiegħu, ġie kkundannat 13-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, immultat €500, u suġġett għal ordni ta’ trażżin u ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex, kif irrimarka l-Maġistrat, jitgħallem jirregola ruħu aħjar.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.
//= $special ?>

