Lokali

Attendenza numeruża għall-attività soċjali fid-Dar Ċentrali

Entużjazmu kbir fost dawk li attendew l-attività soċjali fid-Dar Ċentrali tal-PN it-Tlieta filgħodu, hekk kif dawk preżenti laqgħu fosthom lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Kienu bosta dawk li attendew din l-attività soċjali u li wrew l-apprezzament tagħhom lejn Alex Borg għall-passi kbar li għamel il-Partit Nazzjonalista kemm ilu hu fit-tmun tal-partit.

Apparti minn hekk, dawk preżenti ħadu l-opportunità biex jitkellmu ma’ Alex Borg dwar il-ħajja tagħhom ta’ kuljum u diversi realtajiet li qed jaffaċjaw; fosthom dwar kif ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni, u kif ix-xirja li jagħmlu matul il-ġimgħa dejjem qed togħla.

Fil-fatt, kien għalhekk illi f’messaġġ li wassal lil dawk li attendew, Alex Borg wiegħed mill-ġdid li se jkompli l-ħidma tiegħu b’risq l-anzjani, li kienu propju huma li sawru lil pajjiżna kif nafuh illum. Hu spjega li permezz tal-ħidma tiegħu – ġaladarba jkun qed imexxi lill-pajjiżna – se jkompli jpoġġi lill-anzjani u l-familji fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.

Fid-diskors li wassal, hu rringrazzja lill-partitarji għax-xogħol li jwettqu għall-PN u finalment għal pajjiżna. Fejn anke spjega li huma s-sors tal-enerġija tiegħu, u li l-ħidma tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista ma tkunx possibbli mingħajrhom.

Jakkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għal din l-attività soċjali kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello li wkoll indirizza lil dawk preżenti. Fejn impenja ruħu li jkompli bil-ħidma tiegħu fit-tmexxija, sabiex ikompli jgħin lil Alex Borg u l-Partit Nazzjonalista jilħqu t-tragwardi tagħhom, għal Malta u Għawdex aħjar.