Lokali

“Ejja verament nerġgħu nagħmlu s-saħħa tan-nies prijorità” – Il-PN

Fil-Jum Dinji għas-Saħħa, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn li jkun gvern li jinvesti bis-serjetà fil-qasam tas-saħħa

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Ministers Stephen Spiteri u Ian Vassallo, il-Partit Nazzjonalista spjega li rridu nerġgħu niżguraw li s-saħħa tan-nies tkun prijorità.

Hekk kif illum qed jitfakkar il-Jum Dinji għas-Saħħa, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu li jkun gvern li jerġa’ jibda jinvesti bis-serjetà fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.

Fl-aħħar snin jidher li dan il-qasam tant kruċjali għall-kwalità tal-ħajja tan-nies ma ngħatax l-importanza li jistħoqqlu u l-investiment li suppost sar fih ma sarx kif suppost u saħansitra mijiet ta’ miljuni ta’ flus il-Maltin marru f’konċessjoni skandaluża minflok fis-saħħa tagħna.

L-Isptarijiet St Luke’s u Karin Grech messhom ilhom li ġew rinnovati u qed jintużaw b’mod sħiħ biex jagħtu kura lill-pazjenti.

L-Isptar ġdid għas-Saħħa Mentali li ilu mwiegħed 10 snin missu ilu jilqa’ fih nies biex jieħdu t-terapija li għandhom bżonn.

Ir-residenti tal-bliet u l-irħula kollha messhom għandhom aċċess għal klinika fil-lokalità, mhux għad għandna ħafna kliniċi u bereġ magħluqa.

Mediċini ta’ kwalità għandhom ikunu disponibbli mill-ispiżerija tal-għażla tiegħek, mhux ikollok toħroġ il-flus minn butek għax dawk li qed jingħatawlek jew ikunu inferjuri jew ikunu out-of-stock.

Il-kura tal-kanċer għandha tkun disponibbli fuq il-formularju u mhux għad għandna pazjenti li għadhom qed ikollhom jittallbu u jirrikorru banda oħra biex jieħdu l-kura u jibqgħu jgħixu.

Il-kura preventiva għandha tkun prijorità, mhux afterthought.

Is-saħħa tagħna hi kollox. It-taxxi tagħna għandhom jintefqu b’mod għaqli għall-ġid tan-nies. Gvern Nazzjonalista impenjat li flus il-poplu jiġu investiti fis-saħħa – fl-isptarijiet, fil-mediċini, fis-servizzi kif għandu jkun.