Lokali Qorti

Ħati ta’ argument domestiku fis-Siġġiewi

Raġel ta’ 43 sena minn Ħal Qormi, li jaħdem bħala burdnar, ingħata probation ta’ tliet snin u ordni ta’ trażżin wara li tressaq il-Qorti fuq każ ta’ vjolenza domestika kontra l-eks sieħba tiegħu, omm ibnu minuri.

Il-każ ħareġ minn inċident li seħħ fis-6 ta’ April għall-ħabta tat-3:00 ta’ filgħodu, meta l-Pulizija tad-distrett ġew imsejħa f’residenza fis-Siġġiewi wara rapport ta’ argument domestiku.

Fil-Qorti rriżulta li r-raġel daħal fil-komun tal-blokk permezz ta’ ċavetta, baqa’ tiela’ fuq il-bejt u qabeż mit-tieqa biex jidħol fid-dar tal-eks sieħba tiegħu minkejja li kienet għamlithielu ċara li ma kienx milqugħ ġewwa.

Wara l-arrest tiegħu, il-Pulizija elevaw disa’ armi li kienu rreġistrati fuq ismu. Il-vittma allegat li r-raġel għandu problema ta’ kokaina dan filwaqt li ġew allegati wkoll problemi ta’ kontroll tar-rabja.

Waqt is-seduta, il-Maġistrat Kevan Azzopardi esprima tħassib dwar in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet meta jiġu imposti ordnijiet ta’ trażżin, b’mod partikolari f’każijiet fejn hemm tfal involuti.

Il-Qorti sabet lill-imputat ħati u kkundannatu għal probation ta’ sentejn, multa ta’ €250 u garanzija personali ta’ €1,000. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin biex tipproteġi lill-vittma u l-familja tagħha.