“Hi xi ħaġa ferm importanti li dawn il-fondazzjonijiet li qed jagħtu servizzi essenzjali lill-poplu Malti u Għawdxi jingħataw l-għajnuna kollha possibbli sabiex ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu b’mod effiċjenti.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel it-Tlieta filgħodu għand il-Karl Vella Foundation fejn ra mill-qrib il-ħidma li ssir minn din il-Fondazzjoni jum wara l-ieħor.


Matul din iż-żjara Alex Borg ġie milqugħ mit-tmexxija tal-Karl Vella Foundation li spjegawlu s-servizzi differenti li joffru lill-persuni ta’ kull età. Huma spjegaw li saħansitra għandhom servizz ta’ sapport lil tfal bejn il-5 snin u 17-il sena.



Apparti minn hekk, joffru numru ta’ servizzi oħra; fosthom sapport psikoloġiku u emozzjonali lill-pazjenti u dawk li jieħdu ħsiebhom meta jkunu qed jaffaċċjaw trattament mediku barra minn xtutna.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq fuq l-importanza li fondazzjonijiet bħal dawn jingħataw l-għajnuna kollha possibbli sabiex ikunu jistgħu joffru aktar servizzi lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.


Minn naħa tagħha, id-Direttur u waħda mill-fundaturi tal-Karl Vella Foundation spjegat uħud mill-isfidi li jaffaċċjaw f’dan ix-xogħol tant importanti.
Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Albert Buttigieg.


