Lokali

Il-PN jistaqsi jekk il-Prim Ministru bagħatx għal Anton Refalo

Ritratt: Facebook
Il-Ministru Refalo – li jgħid li ma jafx min hu Totò Riina – għandu ħafna xi jwieġeb dwar dak li kien żvelat ilbieraħ fuq Rai 3. Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalist, Refalo jwieġeb li ma jiftakarx eżatt meta xtara d-dar u mingħand min xtraha. Imbagħad jgħid li xtraha qabel iżżewweġ xi 25 sena ilu, imma mistoqsi biex jippreċiża, jgħid li ma jiftakarx eżatt meta żżewweġ.

Il-Ministru Anton Refalo għandu ħafna xi jwieġeb wara dak li żvela lbieraħ filgħaxija l-programm ta’ Rai 3 Lo Stato delle Cose.

Bħalma għandu xi jwieġeb il-Prim Ministru Robert Abela li sa issa għadu ma lissinx kelma waħda dwar din l-istorja li fiha huwa implikat Ministru ewlieni tal-Kabinett tiegħu.

Fl-intervista li saritlu mingħajr ma kien jaf li qed jiġi rrekordjat mill-istazzjon televiżiv Taljan, Anton Refalo qal li d-dar fil-Qala li għamel żmien jgħix fiha Totò Riina waqt li kien maħrub minn Sqallija hija tiegħu imma ma jiftakarx meta xtraha.

Imma aktar tard wara li xxandret l-intervista, il-preżentatur Massimo Giletti żvela li rċieva korrispondenza mingħand Refalo li fiha qallu li d-dar mhix tiegħu, u qatt ma kienet. Anton Refalo qallu li qatt ma xtara din il-proprjetà u li kienet biss mikrija, mingħajr ma qallu mingħand min, u b’hekk ikkontradixxa dak li kien għadu kif qal ftit qabel.

Tant li l-preżentatur tal-programm investigattiv fuq ir-Rai 3 staqsa liema hi l-verżjoni korretta. U sfida lil Anton Refalo biex meta jrid jikkjarifika l-fatti.

Huwa inkredibbli kif filwaqt li Malta u Għawdex kollha xi darba jew oħra semgħu bl-istorja li l-Capo dei Capi ta’ Cosa Nostra kien għamel żmien maħrub mill-ġustizzja f’Għawdex, il-Ministru Anton Refalo ma jaf u ma jiftakar xejn.

Refalo saħanistra ddikjara mal-ġurnalist li għamillu l-intervista li ma għandux idea min hu Totò Riina. Mistoqsi kif jista’ jkun li qatt ma sema’ xejn dwar il-fatt li l-Kap tal-Mafja fi Sqallija kien residenti fil-villa li llum hija tiegħu, Refalo nfixel u wissa lill-ġurnalist biex ma jindaħalx u qallu li mhix affari tiegħu.

Bl-istess mod li ma jitwemminx, il-Ministru li ma jafx min hu Totò Riina wieġeb li ma jiftakarx lanqas kemm ilha għandu din id-dar, meta xtraha, u mingħand min xtraha. Ma riedx jgħid lanqas min kien l-aħħar sid tal-proprjetà u kif din spiċċat għandu.

Ippressat biex jgħid bejn wieħed u ieħor meta kien li akkwistaha, il-Ministru Refalo l-ewwel qal li ma jafx, imbagħad wieġeb li xtraha qabel ma żżewweġ.

Il-ġurnalist hawnhekk staqsieh meta żżewweġ, bil-Ministru jwieġeb: “Xi 25 sena ilu, naħseb.” Bil-ġurnalist, li ma setax jemmen dak li kien qed jisma’, ikompli jistaqsih kif jista’ jkun li ma jiftakarx eżatt id-data meta żżewweġ.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Anton Refalo biex jekk ma għandu xejn x’jaħbi, jikkjarifika l-fatti dwar dan il-każ u jgħidilna ċar u tond jekk id-dar fil-Qala hix tiegħu u kif daħal fiha, inkella jekk krieha, mingħand min għamel dan. Fid-dawl tal-fatt li qabel ħarab mill-post, Refalo kien iffilmjat ħiereġ mill-istess proprjetà b’pittura kbira f’idejh, ikun xieraq ukoll li Anton Refalo jispjega x’fiha din il-villa u jekk hemmx xogħlijiet artistiċi oħra fil-post, ta’ min huma, u kif dawn ġew akkwistati.

Il-PN jistaqsi jekk il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu bagħatx għal Anton Refalo biex jitolbu jikkjarifika s-sitwazzjoni wara l-fatti xokkanti żvelati lbieraħ.

Jistaqsi wkoll jekk wara dak li ġie żvelat ilbieraħ il-Kummissarju tal-Pulizija bagħatx għal Anton Refalo biex jinvestiga u sarux tfittxijiet mill-pulizija f’din il-villa fil-Qala.

Dawn huma l-mistoqsijiet li bħalissa jinsabu fuq fomm kulħadd, u l-poplu Għawdxi u Malti jixraqlu t-tweġibiet għal dawn id-domandi.