Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li ħarġet illum tikkonferma li l-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta qed ikomplu jogħlew xahar wara l-ieħor.
Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Ivan Bartolo u Stanley Zammit intqal li fl-aħħar tliet xhur tal-2025 l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Proprjetà Residenzjali (RPPI) – li jinkludi djar, appartamenti u maisonettes – wera żieda ta’ 6.1% meta mqabbel mal-aħħar kwart tas-sena 2024. Kien hemm żieda wkoll meta tqabbel l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet (Ottubru-Diċembru) mat-tliet xhur ta’ qabel (Lulju-Settembru).
L-akbar żieda fil-prezzijiet kienet irreġistrata fl-indiċi tal-prezzijiet tal-appartamenti li żdied b’6.2% segwit minn dak tal-maisonettes li rreġistra żieda ta’ 5.3%.
Filwaqt li din l-istatistika tal-NSO turi ż-żidiet fil-prezzijiet tad-djar f’Malta, illum ħarġet ukoll statistika tal-Eurostat, l-aġenzija tal-istatistika tal-UE, li tqabbel il-prezzijiet mal-kumplament tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro.
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ukoll li ż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta kienet ogħla miż-żieda rreġistrata fil-prezzijiet tad-djar bħala medja sew fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tal-ewro.
Fl-Unjoni Ewropea l-prezzijiet tal-proprjetà fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet żdiedu b’5.5% waqt li fiż-żona ewro ż-żieda kienet ta’ 5.1% – fiż-żewġ każi inqas miż-żieda fil-prezzijiet f’Malta (kif turi t-tabella ta’ hawn taħt).
Kien hemm saħanistra xi Stati Membri fejn il-prezzijiet naqsu jew baqgħu stabbli, fosthom Ċipru, Franza, il-Finlandja u l-Estonja. Waqt li fost il-pajjiżi li rreġistraw żieda li kienet inqas minn dik irreġistrata f’Malta kien hemm il-Belġju, il-Germanja, l-Italja, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja, l-Iżvezja u l-Lussemburgu.
Żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà fil-perjodu Ottubru-Diċembru 2025
| Imqabbel ma’ Ottubru – Diċembru 2024 | Imqabbel ma’ Lulju – Settembru 2025 | |
| Malta | +6.1% | +1.3% |
| UE | +5.5% | +0.8% |
| Zona Ewro | +5.1% | +0.6% |
Il-prezzijiet dejjem jogħlew tal-proprjetà jkomplu jiggravaw il-kriżi tal-affordabbiltà l-aktar għal dawk li jkunu qed ifittxu li jsiru sidien ta’ djarhom għall-ewwel darba. Waqt li l-prezzijiet tal-appartamenti u l-maisonettes qegħdin dejjem jiżdiedu, is-salarji f’pajjiżna ma jiżdidux bl-istess rata u dan jagħmilha diffiċli għaż-żgħażagħ, familji ġodda u first-time buyers biex jixtru l-proprjetà tagħhom.
Dawn iż-żidiet iridu jittieħedu wkoll fil-kuntest tal-għoli tal-ħajja dejjem jiżdied, u l-fatt li f’Malta l-pagi jibqgħu baxxi filwaqt li l-prezzijiet tal-aktar affarijiet essenzjali dejjem qed jiżdiedu, fosthom ukoll il-kirjiet li għalihom qed ikollhom jirrikorru dawk li ma jaffordjawx jixtru.
//= $special ?>
