Lokali Qorti

Irtirat każ kontra raġel wara li għamel ħsara fir-residenza tal-eks-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 30 sena li kien akkużat li għamel ħsarat estensivi fid-dar tal-eks sieħba tiegħu f’Ħaż-Żabbar u fil-vettura tagħha inħeles mill-akkużi wara li ġie irtirat il-każ kontrih.

Il-Qorti semgħet kif ir-raġel allegatament mar fir-residenza tal-vittma waqt li din ma kinitx id-dar u kisser il-bieb ta’ barra tal-appartament.

Skont il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon, l-inċident seħħ wara li r-raġel ra lill-eks sieħba tiegħu tiżfen ma’ persuna oħra waqt party. Huwa baqa’ sejjer dritt id-dar tal-koppja, fejn ikkawża ħsarat f’diversi oġġetti fid-dar.

Ir-raġel ġie arrestat aktar tard fir-residenza tal-ġenituri tiegħu fejn kien ilu joqgħod minn meta l-koppja sseparat madwar tliet xhur ilu. Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġbura kontrih.

Meta xehdet, il-vittma qalet li l-proprjetà fejn seħħ l-inċident hija proprjetà konġunta u infurmat lill-Qorti li xtaqet twaqqaf il-proċeduri, fost l-oħrajn minħabba ż-żewġt itfal li għandhom bejniethom u x-xewqa li jkomplu b’ħajjithom.

Il-Qorti laqgħet it-talba, u l-akkużi kontra r-raġel ġew irtirati.