ll-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ta merħba lil maniġer ġdida fl-istaff tiegħu – Sephora Francalanza.
Il-ħatra tagħha qiegħda ssir b’rabta ma’ żvilupp ieħor importanti fi ħdan il-KNK. Dan ix-xahar jara t-tluq ta’ Michael Mercieca, maniġer u Uffiċjal tal-ISBN għal snin twal, li laħaq l-età tal-irtirar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri radd ħajr lil Mercieca għas-snin twal ta’ servizz, u fl-istess waqt jilqa’ lil Francalanza ġewwa t-tim tiegħu – din tal-aħħar ħa tingħaqad mal-Kunsill minn din il-ġimgħa.
Francalanza mhux wiċċ ġdid fix-xena letterarja lokali u kienet attiva fl-organizzazzjoni ta’ inizjattivi u avvenimenti marbutin mal-Malti matul is-snin tagħha bħala studenta l-Università, permezz tal-irwol tagħha fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti – Università għal erba’ snin. Fis-sentejn li qattgħet bħala President tal-Għaqda, hija serviet ta’ Editriċi għal żewġ edizzjonijiet ta’ Leħen il-Malti, il-pubblikazzjoni annwali tal-Għaqda tal-Malti. Hija gradwata b’Baċellerat tal-Arti fil-Malti (Unuri) u b’Maġisteru tal-Arti fl-Istudji tat-Traduzzjoni u t-Terminoloġija, bi speċjalizzazzjoni fit-traduzzjoni letterarja. Hija qarrejja tal-provi kwalifikata, u bħalissa qiegħda twettaq Maġisteru tal-Arti fl-Interpretazzjoni tal-Letteratura Maltija.
//= $special ?>

