Sport Waterpolo

Mil-lum Malta se tkun qed torgranizza it-Tieni Diviżjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Waterpolo

Kollox hu lest biex minn dalgħodu Malta torganizza waħda mill-akbar kompetizzjonijiet dinija tal-waterpolo li qatt kelna f'pajjiżna.
Kollox hu lest biex minn dalgħodu Malta torganizza waħda mill-akbar kompetizzjonijiet dinija tal-waterpolo li qatt kelna f'pajjiżna.

24 pajjiz se jkun fl-azzjoni bejn illum u nhar it-Tnejn li ġej, b’Malta tiddebutta llejla kontra l-Awstralja

Mill-lum sa nhar it-Tnejn li ġej, l-ASA se tkun qed torganizza f’pajjiżna waħda mill-akbar kompetizzjonijiet li sal-lum qatt intlagħbet f’Malta, it-Tieni Diviżjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-World Aquatics tal-Irġiel. Din hija meqjusa bħala kompetizzjoni prestiġjuża fil-kalendarju dinji tal-waterpolo, bil-logħob kollu se jkun qed jintlagħab f’żewġ pixxini differenti li għadna f’Malta.

Dawn se jkunu l-     Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, u l-Pixxina b’saqaf magħluq li għadna fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. F’dawn l-aħħar jiem Malta bdiet tilqa’ il-wasla tat-timijiet nazzjonali li se jkunu qed jilgħabu l-logħob tagħhom f’pajjiżna, bit-total ta’ pajjiżi parteċipanti se jkun dak ta’ 24 tim.

Il-Pixxina b’saqaf magħluq tal-Kottonera, li se tkun qed tintuża għal din il-Kompetizzjoni dinija tal-waterpolo bejn illum u nhar it-Tnejn.

Il-President tal-ASA, Karl Izzo, qal li dan hu unur kbir għal Malta u pass ieħor biex il-waterpolo Malti jkompli jissaħħaħ fuq livell internazzjonali. “Ninsabu onorati li ġejna fdati b’dan l-avveniment u nilqgħu b’entużjanu lill-atleti, kowċis, uffiċjali u delegati kollha li se jagħmlu dan l-avveniment success.”

Il-Kumitat Organizzattiv wiegħed li jorganizza avveniment ta’ livell għoli skont ir-regolamenti ta’ World Aquatics, b’kundizzjonijiet tal-għola kwalità għall-parteċipanti kollha.

Fost il-pajjiżi li se jieħdu sehem hemm l-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, il-Montenegro, Malta, u oħrajn, li se jagħmlu minn din il-kompetizzjoni ġimgħa ta’ waterpolo u spettaklu ta’ livell dinji.

L-ewwel partita ta’ Malta se tkun illejla, meta fis-6pm, fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, l-iskwadra mmexxija mill-kowċ Milan Cirovic se tkun qed taffronta l-ewwel tim avversarju li se jkunu l-Awstralja.