Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkultural
Hemm bnedmin li f’dawn iż-żminijiet qed jieħdu sehem iktar sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja. Dawk li qabel ma setgħux jidħlu jagħmlu parti miċ-ċirku ta’ importanza li ġustament nagħtu lil dawk li jiddedikaw ħajjithom għal dik reliġjuża.
Il-bnedmin li assiguraw li dan iseħħ kienu fil-fatt żewġ Papiet li ħallew warajhom wirt ta’ ideat, kotba u żvilupp li mmarkaw dan is-seklu. Kienu, l-ewwel, dak iż-żmien il-Kardinal Joseph Ratzinger, u kważi kontemporanjament il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, li fetaħlu l-kapitolu. Għażlu li jiftħuh pass pass ma’ ġurnalist u awtur ta’ numru ta’ kotba. Għażlu li waqt li jkunu viċin jifhmu, fl-istess ħin, il-libertà tiegħu li jistaqsi. Iressaq dawk il-punti li l-bnedmin fid-dinja kienu qed jitolbu li jsibu tweġiba għalihom.
Kien ktieb
Kien ċertament intuwizzjoni u għarfien preċiż li dawn iż-żewġ Papiet kellhom biex imissu l-polz ħaj tad-dinja. Jifhmu li għandhom bżonn, ma jistgħux jiddependu biss minnhom infushom jew minn dawk li huma strettament madwarhom. Sejħa għall-oħrajn li jistgħu jkunu parti minn proġett akbar u iktar effettiv.
Dan il-persuna speċjali li ġie magħżul kien kiteb hekk fl-introduzzjoni ta’ wieħed mill-aqwa kotba li messna lejn l-aħħar tas-seklu l-ieħor lejn dan:
“I was told that I had been chosen to conduct the interview because of the many religious books and articles I have written over the years, with the freedom of a layman, but also as a believer who knows that the Church is given not only to the clergy but to each of the baptized.” (Qaluli illi ġejt magħżul biex nagħmel din l-intervista għaliex matul is-snin ktibt ħafna kotba u artikli reliġjużi, bil-libertà ta’ bniedem lajk, imma wkoll għaliex bħala Nisrani naf illi l-Knisja mhijiex tal-kleru biss imma wkoll ta’ dawk kollha li huma mgħammda).
Vittorio Messori
Forsi ftit indunaw li tul dawn il-jiem ġie nieqes proprju dan il-bniedem. Imwieled fl-1941 fi żmien il-gwerra ġewwa familja mill-iktar antiklerikali. Bniedem li fl-1964, wara li qara l-Vanġeli, ikkonverta għall-Kattoliċeżmu u minn hemm beda proċess interessanti. Wieħed li ġiebu viċin il-Knisja u li minnha għażel li jaqra u jistudja iktar. Il-pinna tiegħu sabiħa u li togħġob lil diversi li jaqrawh.
Proprju f’dan, il-karriera u l-użu tat-talenti tiegħu mmarkawh bħala dak li jaf x’inhuwa jiġri barra u kif jista’ jixħtu lura ’l ġewwa. Il-Knisja sabet fih interlokutur determinanti. Sabet dak li jċaqlaq ’il quddiem il-vuċi tagħha. Sabiex tinbidel u ssir aktar rilevanti fil-mod ta’ kif tikkomunika mal-bnedmin tal-lum fid-diffikultajiet u l-kurrenti li kien hawn, u li għad hawn, bħalissa.
F’dan iż-żmien
F’dawn l-erbgħa u tmenin sena ta’ eżistenza, Messori ħalla legat uniku mifrux. Fil-fatt ftit ilu, qisu b’xi messaġġ, tul il-Ġimgħa l-Kbira ħabib silifni l-ktieb sabiħ tiegħu li għadni ma qrajtx, bit-titolu Patì sotto Ponzio Pilato? (un indagine storica sulla passione e morte di Cristo (1992).
Kont diġà naf bih, sija għax kont qrajt il-ktieb Il Miracolo (1998), indaġini xjentifika mill-iktar rigoruża u riċerkata dwar bniedem fi Spajna, Miguel Juan Pellicer (1937), li kien tilef sieq u din, midfuna, ingħaqdet lura fil-ġisem tiegħu. Biss, iktar minn dan, f’dak li huwa komunement imsejjaħ The Ratzinger Report (1985), u wara, Crossing the Threshold of Hope (1994). Żewġ dokumenti mibnija fuq diskussjoni u mistoqsijiet, liberi u diretti, li huwa seta’ jagħmel lil żewġ persuni li ġew maħtura Papiet.
Rilevanza
Fl-ewwel ktieb jiltaqa’ ma’ dak li kien il-Prefett tal-Fidi, il-Kardinal Joseph Ratzinger. Tkellem miegħu u staqsieh kwantità kbira ta’ domandi, li minnhom twieled ktieb ta’ mitejn faċċata. Dokument uniku li nħoss ħafna li għadu rilevanti sal-lum, dejjem jekk xi ħadd ikollu l-ħin biex jaqrah. Fil-każ tiegħi, mill-ġdid. Idur dawramejt ma’ diversi temi li mhux kull bniedem fil-Knisja jħossu komdu li jwieġeb.
Imma Messori, ġurnalist iffurmat u mbaskat sew, jirnexxilu jikkonsolida kollox f’linja ċara u mhux diffiċli biex tinqara. L-istess awtur, fil-bidu jgħidilna: “As a longstanding journalist, one who is used to every kind of interlocutor (including high Vatican prelates), I must confess that I was often amazed that I received a clear and direct answer to each one of my questions, even the most delicate.” (Bħala ġurnalist li servejt fit-tul, wieħed li hu mdorri b’interlokuturi varji (inklużi prelati għolja fil-Vatikan), għandi nistqarr li diversi drabi kont impressjonat bil-fatt li kont nirċievi tweġibiet ċari u diretti għal kull waħda mid-domandi li kont nagħmel, anki dawk l-iktar delikati).
Ngħid li dan il-ktieb serva sabiex ikun hemm kunsens ġenerali fid-dinja Kattolika fl-għażla ta’ Ratzinger iktar tard.
Pass ieħor
Imma f’dan serva wkoll għal pass ieħor. Tant kien suċċess dak il-ktieb, li l-istess Papa Ġwanni Pawlu II, permezz tal-Uffiċjal tal-Istampa tiegħu, Dr Joaquin Navarro-Valls (1936-2017) ried li ssirlu intervista li tiġi mxandra fuq il-mezzi moderni.
Minħabba l-impenji tal-Papa dan ma seħħx, imma l-ġurnalist kien bagħat diġà d-domandi, u dawn Ġwanni Pawlu II mhux talli ma ttraskurahomx, talli weġibhom bil-miktub. Għal dan, Messori jfaħħar lill-Papa li fl-umiltà u l-ġenerożità tiegħu kien ħadu b’tant serjetà bħala vuċi tal-Insara fit-triq. Mhux biss, imma li ried iwassal il-messaġġ li hemm it-tama, li hija konfermata għal dawk li jridu jaċċettawha.
Dokument ieħor li għalija jibqa’ wieħed rilevanti, li taqrah kemm-il darba taqrah, fih issib il-ġdid. Imma li baqa’ jolqotni hu li Messori jikkonkludi l-introduzzjoni tiegħu b’dan il-kliem, li jibqgħu jħabbtuni: “In such a climate all abstractions vanish. Dogma becomes flesh, blood, life. The the ologian becomes witness and shepherd.”
Insellmulu
Vittorio Messori se jħalli warajh numru ta’ kitbiet u esperjenzi li jgħinu lil kull persuna li jrid jgħix ħajja aħjar milli huwa. Waħda miftuħa dejjem iktar sabiex iwettaq il-ġid mal-proxxmu fil-jum u l-ħin li huwa mogħti.
Nittama li jkun hemm min jifhem li dawk il-kotba tiegħu li għandu fuq l-ixkafef, u li forsi nesa, jerġa’ jaqbadhom lura mill-ġdid.
Ċert li jsib gwidi diretti fid-dinja li trid issir taf imma ma tafx fejn taqbad tfittex.
Aħna, flimkien mal-Knisja Kattolika, f’dan għandna nagħrfu li filwaqt li tlifna moħħ ċar u dixxiplinat, fuq l-oħra napprezzaw li huma bnedmin bħalu li huma verament dawk li kapaċi jwettqu d-differenza.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 7 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

