Albert Buttigieg
Shadow Minister
għall-Protezzjoni tat-Tfal u n-Newrodiverġenza
Nitkellmu ħafna fuq il-ħtieġa li ċ-ċittadini tagħna jkollhom kwalità tal-ħajja tajba. U nagħmlu sew għaliex l-għan aħjar tal-politika hija li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
L-esperjenza tal-ħajja u l-istudju jindikaw li wieħed mill-fattur li proprju jtejjeb din il-kwalità tal-ħajja huwa li l-persuna tgawdi l-ħajja tagħha f’ċerta trankwillità.
Min-naħa l-oħra, kemm l-esperjenza u l-istudju jindikaw ukoll li fejn hemm storbju eċċessiv mhux biss hemm ansjetà kbira imma anke nuqqas ta’ saħħa mentali.
Problema għal ħafna
Sfortunatament, aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-istorbju eċċessiv qiegħed ikun ta’ problema għal ħafna. Fil-fatt, huma diversi dawk ir-residenti tagħna fil-pajjiż li qegħdin aktar u aktar jilmentaw propju bi storbju eċċessiv li qiegħed inaqqrilhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Saħansitra l-istess Ombudsman fir-rapport tiegħu lill-Parlament saħaq li l-istorbju eċċessiv sar problema.
Il-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora dan. Li wieħed jipprova jiġġustifika dan l-istorbju eċċessiv għaliex aħna poplu mediterranju li jħobb l-istorbju jkun jipprova jevita r-realtà bħall-ostrich.
Issa, biex ħadd ma jifhimni ħażin u ħadd ma jipprova jinqeda bi kliemi għall-iskopijiet tiegħu, tajjeb li ngħid li wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn diversi tipi ta’ storbju. Għaldaqstant nagħmel distinzjoni bejn storbju kulturali u storbju kummerċjali.
Storbju kulturali
Storbju kulturali huwa storbju ġej minn attivitajiet li huma marbuta b’mod integrali mal-kultura u l-patrimonju tagħna bħalma huma l-festi, il-marċi, id-daqq tal-qniepen, il-murtali u attivitajiet oħra marbuta mal-festa tradizzjoni Maltija.
Filwaqt li dejjem hemm il-ħtieġa li nħarsu dawn l-attivitajiet minn estremitajiet u esaġerazzjonijiet, dawn l-attivitajiet jiġbru l-komunità flimkien u ’l hinn minn sinifikat reliġjuż hemm sinifikat soċjali.
Għaldaqstant, l-istorbju kulturali mhux biss huwa aċċettat imma huwa apprezzat! Dan ifisser li mhux qiegħed nirreferi għal dan it-tip ta’ storbju!
Storbju kummerċjali
Min-naħa l-oħra, storbju kummerċjali ġej minn attivitajiet ta’ stabbilimenti kummerċjali bħalma huma bars, restoranti bl-imwejjed barra, minn amplified music sa tard billejl u sbieħ il-jum, minn open air clubs u lidos u issa wkoll se jkollna l-NOMA Island, ċatra fil-baħar bħala floating club li se sservi ta’ preċedent li jkun hemm diversi ċatriet oħra madwar il-kosta tagħna.
Diversi drabi dan l-istorbju huwa ta’ kuljum u ta’ kull lejl jew inkella fil-weekends.
Issa biex ikun ċar u ma nkunx miftiehem ħażin, dawn l-attivitajiet kummerċjali kollha li semmejt huma tajbin fihom infushom u jagħtu kontribut lill-ekonomija tagħna.
Imma nemmen bis-sħiħ li kull attività kummerċjali trid: Tosserva l-liġijiet u policies tal-pajjiż, tosserva l-ambjent bħala dar komuni tagħna u tosserva lir-residenti u d-dritt fundamentali tagħhom biex jgħixu fil-paċi.
Meta jonqos element minn dawn it-tlieta, allura l-attività kummerċjali ssir a skapitu tal-ġid komuni u tar-residenti. U huwa hawn fejn ir-residenti jiddejqu għaliex iħossu li dejjem huma li jridu jsofru l-inkonvenjent.
Il-kritika tiegħi ma tmurx biss kontra s-sidien ta’ dawn l-istabbilmenti li jaraw l-interessi tagħhom biss IMMA l-akbar kritika tiegħi tmur lejn il-Gvern. Il-Gvern, filwaqt li għandu dmir li jara li jinforza l-liġijiet, qiegħed minflok mhux biss jagħlaq għajn waħda imma anki jagħti lil xi sidien l-arja li jħossuhom untouchable u li jistgħu jagħmlu li jridu.
Fragmentazzjoni tal-infurzar
X’jiġifieri? Minħabba li hemm diversi entitajiet tal-Gvern li huma responsabbli b’xi mod jew ieħor, kulħadd jispiċċa jagħmel bħal Pilatu jaħsel idejh jew jibgħat lil min jilmenta mingħand Pilatu għal għand Kajfa!
Fil-fatt, hemm ħames entitajiet responsabbli minn dawn l-entitajiet kummerċjali –
Pulizija
Trade Dept
Lands Dept.
Awtorità tal-Ippjanar
MTA – turiżmu.
Minħabba din il-fragmentazzjoni kollha twassal għal frustrazzjoni/rabja kbira mir-residenti.
Proposta
Nemmen li tkun idea tajba li jkun hemm ONE STOP SHOP għal dawn l-entitajiet kummerċjali li jagħmlu l-istorbju, jiġifieri li l-Gvern jiġbor madwar mejda lill-istakeholders KOLLHA, bħalma huma l-investituri, il-kunsilli lokali f’isem ir-residenti, l-esperti, l-ambjentalisti u flimkien magħhom ikun hemm policy u linji ċari. Dan inaqqas il-burokrazija, kemm għas-sidien u kemm għar-residenti.
B’linji u policy ċara wieħed jaf x’jista’ jagħmel u x’ħoss jista’ jagħmel u x’ma jistax. Wieħed jista’ jara numru ta’ rakkomandazzjonijiet li għamel l-istess Ombudsman.
B’hekk ikun hemm ukoll infurzar minn entità waħda u ħadd ma jista’ jibqa’ jaħsel idejh.
Konklużjoni
Pajjiżna huwa wieħed żgħir. Dan ifisser li llum jew għada se taħbat ma’ xi ħadd u se ddejjaq lil xi ħadd. Barra minn Malta minħabba li għandhom aktar spazju, ċerti attivitajiet tal-massa u tal-istorbju jsiru ’l bogħod minn zoni residenzjali. B’hekk ma jkunx hemm inkonvenjent lir-residenti li jridu jistrieħu jew morda li jinsabu fis-sodda.
F’Malta din mhix possibbli. Għalhekk mill-ġdid nagħmel appell lill-Gvern biex jiġbor lill-istakeholders kollha u jagħmel policy ċara li tirrispetta l-interessi ta’ kulħadd.
B’dan il-mod nistgħu nagħmlu mhux biss politika matura imma b’din l-attitudni nistgħu nibqgħu ngħixu flimkien b’serenità sħiħa.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 7 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

