Paula Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għall-Anzjanità Attivà
Meta din tonqos, jinħolqu dubji serji dwar il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u dwar jekk l-interess pubbliku hux verament qed jiġi mħares. F’Malta, in-nuqqas ta’ trasparenza fil-governanza tal-Gvern Laburista ilu suġġett ta’ diskussjoni u kritika kontinwa.
Demokrazija vera tobbliga l-ministri jissottomettu d-dikjarazzjonijiet sħaħ tal-assi tagħhom u ta’ żwieġhom. Din tippermetti liċ-ċittadini jifhmu aħjar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-mexxejja tagħhom u tgħin biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess. Madankollu, f’Malta, il-mod kif il-Gvern Laburista qed jittratta din il-kwistjoni qajjem tħassib serju.
Il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni tal-assi tal-ministri tibqa’ test importanti għall-kwalità tal-governanza f’Malta u jekk il-prinċipji ta’ trasparenza u kontabbiltà jridu jkunu rispettati bis-serjetà, huwa essenzjali li dan il-proċess ikun aktar ċar, f’waqtu u effettiv. Inkella, ir-riskju huwa li l-fiduċja tal-pubbliku tkompli tiddgħajjef, b’konsegwenzi fit-tul għas-sistema demokratika tal-pajjiż.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika f’Malta esprima diversi tħassib matul is-snin dwar kif il-ministri jiddikjaraw l-assi tagħhom, b’enfasi fuq il-bżonn ta’ aktar trasparenza, konsistenza u infurzar effettiv. Enfasizza li s-sistema tiddependi ħafna fuq awtodikjarazzjoni, u li hemm limitazzjonijiet fil-verifika tal-informazzjoni mogħtija. Argumenta li mingħajr mekkaniżmi aktar b’saħħithom ta’ kontroll, hemm riskju li informazzjoni importanti ma tiġix żvelata.
F’diversi rapporti, il-Kummissarju ppropona li jiġu introdotti linji gwida aktar ċari dwar x’għandu jiġi ddikjarat, li jkun hemm aktar dettall, inkluż valur finanzjarju tal-assi u li jissaħħu s-sanzjonijiet għal min ma jikkonformax mar-regoli. Ghaliex skont l-istess Kummissarju, id-dikjarazzjoni tal-assi mhijiex formalità, iżda pilastru importanti tal-governanza tajba. Hija essenzjali biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess u biex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet.
Dan kollu waqa’ f’widnejn torox u llum Robert Abela qed jirrealizzza ħolma li dejjem kellu – li jabollixxi darba għal dejjem id-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu u tal-Ministri tiegħu. Ma hemmx raguni tajba waħda għaliex Robert Abela jrid jelimina dan l-obbligu. Politiċi onesti ma għandhom isbu ebda problema biex jaderixxu ma’ dan l-obbligu demokratiku li jiddikjaraw l-assi tagħhom. Illum nafu li dawn il-politici onesti minn-naħa tal-Gvern ma jezistux. Bla dubju, Robert Abela u sħabu għandhom x’jaħbu għaliex kieku ma għandhom xejn x’iżżommhom milli jiddikjaraw l-assi tagħhom.
Filwaqt illi għandna persuni f’Malta li qed isibuha difficli biex ilaħħqu mal-ħajja, għandna Ministri li minkejja li d-dħul tagħhom suppost huwa dak ta’ Ministru kwalunkwe illum għandhom ħafna proprjetajiet kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta u d-dhul vera tagħhom ivarja bi kbir minn dak li effettivament jigi ddikjarat. U wieħed jibqa’ jsaqsi – għaliex Robert Abela kellu din l-għaġġla biex, minkejja l-għawg dinji li għaddej minnu kulħadd, xorta sab il-ħin u l-mezz ta’ kif iddaħħal ligijiet li jipproteġuh?
L-akbar mossa li għamel hu li neħħa wkoll l-obbligu li anke l-assi tal-partners tagħhom jiġu eliminati. Ma nafux x’kien qiegħed jigri – il-Ministri jittrasferrixxu l-ġid tagħhom fuq in-nisa u l-irgiel tagħhom u hekk ma jidher xejn. Issa l-anqas dan l-obbligu ma għandhom!
L-argument ta’ Abela huwa li issa l-ministri ser ikollhom l-obbligu li jiddikjaraw l-assi tagħhom bħalma jagħmlu l-membri parlamentari. Kif jista’ Robert Abela jqabbel ir-rwol li għandhom il-membri parlamentari mal-poteri li għandhom il-Ministri? Il-Ministri, li għandhom rwo eżekuttiv, għandhom baġits sħaħ f’idejhom, jagħtu diversi kuntratti u jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji importanti ħafna. Xi ħaġa li l-membri parlamentari ma jagħmlux. Għalkemm bellagħha lill-poplu Malti li l-ministri ser ikunu qed jagħmlu d-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom, l-informazzjoni li ser ikunu qed jagħtu ser tkun ferm anqas. Huwa ddeterminat li jwaqqaf lill-poplu milli jagħmel skrutinju fuqu. L-objettiv ta’ dan l-eċerċizzju legilżlattiv jibqa’ li jostor il-ġid kollu li hu u l-Ministri tiegħu għandhom. Prim Ministru, id-demokrazija tibqa’ b’saħħitha biss meta l-verità tkun miftuħa għal kulħadd — mhux meta tinżamm moħbija
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

