Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni
Madankollu, ħafna drabi nisimgħu dwar infiq bla ħsieb jew proġetti li jiswew miljuni ta’ flus, saħansitra avvenimenti ta’ ftit sigħat, li fuq kollox ma jġibux benefiċċju reali għas-soċjetà. Meta dan jiġri, mhux biss jintilfu riżorsi finanzjarji, iżda jintilfu wkoll opportunitajiet biex nibnu soċjetà aktar ġusta u dinjituża għall-bnedmin u anki għall-annimali.
Eżempju dwar iż-żamma tal-annimali f’pajjiżna spiss jitqajjem tħassib serju dwar is-sitwazzjoni attwali tal-protezzjoni tal-annimali f’Malta. Bosta jokorbu sinċeriment u mill-qalb dwar il-ħtieġa u fuq kollox ħtieġa ta’ azzjoni immedjata biex jiġu indirizzati allegazzjonijiet ta’ traskuraġni u nuqqasijiet fil-mod kif qed jitmexxa s-settur tal-protezzjoni tal-annimali. Jgħidulek nuqqas ta’ manpower u nuqqas ta’ finanzi. Allura għax-xinxilli għandna, imma għal kura tal-annimali le? L-annimali vulnerabbli għandhom jingħataw kura u rispett xieraq, u jekk il-problemi ma jiġux indirizzati b’serjetà u trasparenza, jista’ jintilef il-fiduċja tal- pubbliku fis-sistema.
Malta hija pajjiż żgħir b’riżorsi limitati. Dan ifisser li kull deċiżjoni dwar kif jintefqu l-flus pubbliċi għandha tittieħed b’responsabbiltà kbira. Meta jsir infiq bla pjan jew mingħajr ħsieb fit-tul, il-konsegwenzi jistgħu jinħassu għal snin twal. Xi drabi naraw investimenti f’infrastruttura jew proġetti li ma jkunux meħtieġa immedjatament, filwaqt li oqsma essenzjali bħas-servizzi soċjali, il-benesseri tal-annimali, jew l-ambjent jibqgħu b’riżorsi limitati. Wieħed mill-oqsma fejn jista’ jsir aktar ippjanar huwa l-appoġġ lil dawk li baqgħu lura fil-ħajja, lil dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet diffiċli.
F’Malta hemm familji li qed jiffaċċjaw sfidi ekonomiċi, anzjani li jgħixu waħedhom, u persuni vulnerabbli li jeħtieġu aktar għajnuna. Jekk l-infiq pubbliku jkun ippjanat b’mod aktar strateġiku, jista’ jkun hemm aktar investiment f’servizzi ta’ kura, programmi ta’ inklużjoni soċjali, u inizjattivi li jsaħħu d-dinjità tal-bniedem. Infakkar kemm proġetti jieqfu, minħabba l-fatt li ma jkunx hemm finanzi allokati għal proġett partikolari. Hawn mhux qed ngħid dwar proġetti ta’ housing soċjali biss, imma anki proġetti t’għajnuniet li jispiċċaw jindifnu, minkejja li tkun saret launch li timpressjonak.
Bl-istess mod, il-benesseri tal-annimali kif spjegajt aktar qabel huwa suġġett li, qed jikseb aktar attenzjoni fis-soċjetà Maltija. Għalkemm sar progress fl-aħħar snin, għad hemm ħafna xogħol xi jsir. Refuġji tal-annimali, programmi ta’ sterilizzazzjoni, u kampanji ta’ edukazzjoni pubblika huma kollha importanti biex jitnaqqas l-abbandun tal-annimali u biex jiġu promossi trattamenti aktar umani. Meta l-gvern u l-komunità jinvestu b’mod għaqli f’dawn l-inizjattivi, mhux biss jgħinu lill-annimali iżda wkoll joħolqu soċjetà aktar sensittiva u responsabbli.
Aspett ieħor importanti huwa l-ippjanar fit-tul. Spiss, id-deċiżjonijiet politiċi jkunu mmexxija minn pressjonijiet immedjati jew minn proġetti li jidhru tajbin fuq il-karta iżda li ma jkunux sostenibbli. Malta għandha bżonn aktar viżjoni fit-tul li tqis mhux biss l-ekonomija, iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja, l-ambjent, u l-benesseri ta’ kull min jgħix fil-gżejjer tagħna – kemm bniedem kif ukoll annimal.
L-edukazzjoni għandha wkoll rwol kruċjali. Meta ċ-ċittadini jkunu infurmati u konxji dwar kif jintefqu l-flus pubbliċi, jistgħu jipparteċipaw aktar fid-diskussjoni nazzjonali u jitolbu aktar trasparenza u responsabbiltà. Soċjetà li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ċivika tkun aktar kapaċi tiżgura li r-riżorsi jintużaw għall-ġid komuni.
Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet volontarji u l-NGOs f’Malta jagħmlu xogħol kbir, speċjalment fil-qasam tal-benesseri tal-annimali u l-appoġġ soċjali. Madankollu, ħafna drabi dawn l-organizzazzjonijiet jiddependu fuq donazzjonijiet u fuq ix-xogħol volontarju. Jekk ikun hemm aktar koordinazzjoni bejn il-gvern, il-komunità, u dawn l-organizzazzjonijiet, l-infiq jista’ jsir aktar effiċjenti u b’impatt akbar. Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija mhix biss kemm qed nonfqu, iżda kif qed nonfqu. Infiq intelliġenti jfisser li nħarsu lejn il-bżonnijiet reali tas-soċjetà u nippjanaw b’mod li jġib benefiċċji fit-tul. F’Malta, fejn il-komunità hija qrib u l-impatt tad-deċiżjonijiet jinħass malajr, ippjanar għaqli jista’ jagħmel differenza kbira.
Jekk irridu nibnu futur li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u tal-annimali, irridu nibdew billi nieħdu deċiżjonijiet aktar responsabbli dwar kif nużaw ir-riżorsi tagħna. L-infiq bla ħsieb jista’ jwassal għal opportunitajiet mitlufa, iżda ppjanar għaqli jista’ jwassal għal soċjetà aktar ġusta, sostenibbli u umana għal kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

