Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq serq ta’ card tal-bank u mar jixtri minn supermarket fil-Mosta

Paul Frendo Cumbo mill-Ħamrun ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq basket fi Triq il-Qawra, San Pawl il-Baħar, u wara ħa card tal-bank minnu u mar jixtri minn supermarket fil-Mosta. Ir-raġel ta’ 60 sena kien mixli li seraq €236.74 u li hu riċediv.

Fil-Qorti, instema’ li mara barranija marret l-għassa tirrapporta li nsterqilha baskett minn San Pawl il-Baħar. Il-pulizija qalet li mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà l-akkużat kien jidher ċar qed jisraq il-basket. Għall-ewwel Frendo Cumbo wieġeb mhux ħati iżda aktar tard huwa ammetta għemilu.

Mal-ammissjoni tiegħu huwa qal li lest li jrodd lura dak kollu li seraq. Meta qieset kollox, fosthom l-ammissjoni u r-rieda tiegħu li jagħti lura dak li seraq, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, qieset li l-piena ma tkunx waħda ta’ ħabs effettiva. Għalhekk huwa ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ma’ dan ġie ordnat iħallas lura €236.64 lill-vittma.

L-Ispettur Cheyenne Mangion mexxiet il-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Sarah Ciliberti dehret għall-akkużat.