Sport

Ċiklist Malti se jirrappreżenta lil Malta fil-FISE

Gianni Zahra, ċiklist Malti ta’ 27 sena, se jirrappreżenta lil Malta fid-29 edizzjoni tal-Festival International des Sports Extrêmes (FISE), wieħed mill-akbar u l-aktar festivals prestiġjużi tal-isports urbani fid-dinja. L-avveniment se jsir f’Montpellier, Franza mit-13 sas-17 ta’ Mejju 2026, u se jattira wħud mill-aqwa ċiklisti u atleti tal-isports urbani minn madwar id-dinja.

Gianni Zahra ilu 15-il sena f’dan l-isport u stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa sewwieqa tal-BMX f’Malta, fejn b’mod konsistenti kiseb prestazzjoni għolja kemm f’kompetizzjonijiet lokali kif ukoll
internazzjonali fejn rebaħ diversi kompetizzjonijiet lokali f’dixxiplini differenti tal-BMX.

Wieħed mill-aktar kisbiet notevoli reċenti tiegħu seħħ f’URBENDURO MALTA 2024, kompetizzjoni internazzjonali ospitata f’Malta, fejn kiseb it-tieni post fil-klassifika ġenerali u spiċċa bħala l-aħjar ciklist
Malti fil-kategorija Open Men’s.

Kien ukoll l-uniku ċiklist Malti li kkompeta fil-Kampjonati Dinjija tal-UCI BMX 2023 li saru fi Glasgow.