Il-Fondazzjoni Sebħ inawgurat kamra terapewtika ġdida għat-tfal.
U b’hekk intlaħaq pass importanti fl-iżvilupp ta’ sistema ta’ kura komprensiva u sensittiva għat-trawma.
Dak li beda fl-2023 bħala ħolma, illum żviluppa f’mudell li qed jitqies bħala eżempju ta’ eċċellenza, biex jiġi żgurat li t-tfal li jinsabu fil-kura jirċievu appoġġ terapewtiku professjonali, konsistenti u fil-ħin, f’post fejn iħossuhom siguri.
Il-kamra terapewtika ġiet disinjata b’attenzjoni għat-tfal fil-kura.
Purtieri kbar u trasparenti jippermettu li l-post jinbidel għal kull sessjoni, u jagħtu lit-tfal il-libertà li jirranġaw l-ambjent tagħhom skont kif iħossuhom l-aktar komdi. B’dan il-mod, il-kamra ssir l-ispazju tagħhom – fejn iħossuhom aktar komdi u jiftħu qalbhom.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, iċ-CiN Foundation qed tiffinanzja s-sessjonijiet terapewtiċi kollha għat-tfal fil-kura ta’ Fondazzjoni Sebħ, inkluż l-impjieg ta’ tliet psikoterapisti.
Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Dun Martin Micallef, faħħar il-kollaborazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ entitajiet, li kkontribwixxiet b’mod sinifikanti ħalli titjieb il-kwalità tal-ħajja tat-tfal fil-kura. U dik li darba kienet kamra normali issa nbidlet f’ċentru terapewtiku mimli kura u appoġġ – post li jirrifletti dinjità, tama u rispett.
//= $special ?>

