Kultura Lokali

Iċċelebrata l-festa ta’ San Girgor f’temp mill-isbaħ

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Min jiekol il-ġelat, min idur il-monti, min jilgħab it-tombla u min igawdi x-xemx quddiem il-baħar f’temp mill-isbaħ. Bit-tfal, igawdu l-aħħar ftit jiem ta’ vaganzi.

Din kienet l-atmosfera fil-lokalità ta’ Marsaxlokk hekk kif matul il-jum tal-Erbgħa ġiet iċċelebrata l-festa tradizzjonali ta’ San Girgor – festa ferm popolari mal-Maltin u l-Għawdxin.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

F’Marsaxlokk, numru ta’ persuni kienu qed jilagħbu t-tombla li hija xi ħaġa sinonima ma’ din il-festa – filwaqt li oħrajn intefgħu jgawdu x-xemx fil-bajja ta’ Marsaxlokk; b’uħud minnhom anke niżlu għall-ewwel għawma tagħhom tas-sena – tradizzjoni marbuta ma’ din il-ġurnata.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

F’dan il-jum anke l-monti ta’ Marsaxlokk kien armat u ppakkjat bil-Maltin kif ukoll bit-turisti bil-għan li jaraw x’qed joffru l-bejjiegħa. U l-mużika, kompliet iżżid mal-atmosfera.

Minn naħa l-oħra kien hemm ukoll persuna li kienet qed tiżbogħ il-luzzu tradizzjonali – fenomenu li pjuttost rari tinzertah speċjalment jekk ma tkunx mil-lokalità ta’ Marsaxlokk.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Ma tonqosx ukoll il-purċissjoni mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna mill-Knisja ta’ San Klement sal-knisja l-qadima ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun – b’din iċ-ċelebrazzjoni, tmur lura sas-seklu 16. U ġiet formalizzata fl-1781 b’digriet tal-Isqof Vincenzo Labini.

Preżenti f’Marsaxlokk kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg li tkellem man-nies li kienu qed igawdu dan il-jum fiż-Żejtun u Marsaxlokk mal-ħbieb u mal-familja tagħhom.