Lokali

“Il-qtil ta’ ommi m’għandux jintesa mal-oħrajn” – Bint Mildred Azzopardi tinsisti li trid ġustizzja mal-ġenituri tagħha

8 xhur wara l-qtil ta’ Mildred Azzopardi bintha Amy esprimiet id-dieqa u l-frustrazzjoni tagħha għall-fatt li wara dan iż-żmien kollu l-qattiel ta’ ommha għadu barra.

Hija insitiet li waqt li jgħaddi dan iż-żmien ommha tispiċċa bħala sempliċi statistika u tintesa ma’ aċċidenti oħrajn, madanakollu saħqet li sa ma tinqata’ l-kundanna tal-allegat qattiel tagħha, Benjamin Chetcuti li jinsab akkużat bi qtil involontarju fost oħrajn.

Azzopardi insistiet li hi flimkien ma ħutha qed jistennew li xi darba s-sentenza tal-qorti toqrob sabiex issir ġustizzja ma’ ommhom li nqatlet, u missierhom li spiċċa b’danni ta’ saħħa permanenti.

Hija esprimiet ir-rabja tagħha u dispjaċir permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali fejn insistiet li filwaqt li ommha nqatlet, ħaddieħor jinsab barra jorqod fis-sodda u jirrisjedi fid-dar tiegħu.

Amy Azzopardi sostniet li qabel ma tara li min qatel lil ommha jieħu li ħaqqu hi mhux se tkun qed tistrieħ ħalli ħadd ma jinsa minn xiex għaddew il-ġenituri tagħha.

Hija spjegat li għalkemm mimlija rabja għax ħajjet ommha nsterqet qabel iż-żmien, xorta tpiprova żżomm it-tagħlim tagħha ħaj, madanakollu insistiet li importanti li tibqa’ tfakkar x’seħħ fis-27 ta’ Lulju 2025 u spjegat li tittama li l-qtil ta’ ommha ma jintesiex mal-oħrajn.

Benjamin Chetcuti, suldat ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid, kien tressaq il-Qorti eżatt wara l-inċident u wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ qtil involontarju. Fl-inċident, il-karozza li kien qed isuq ħabtet f’karozza oħra pparkjata fi Triq Ta’ Liesse. U fl-inċident inqatlet propju Mildred Azzopardi – mara ta’ 62 sena mill-Ħamrun, li kienet omm ta’ erbat itfal.