Illum Jum San Girgor: Il-programm ta’ attivitajiet għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor ġie mħabbar b’enfasi akbar fuq il-valur storiku u kulturali ta’ din il-festa li ilha parti mill-identità Maltija għal sekli sħaħ. Xi ħaġa popolari mal-Maltin hija l-ewwel għawma fejn numru kbir ta’ bies imorru Marsaxlokk biex jgħumu u anke jilgħabu t-tombla.
Ma tonqos ukoll il-purċissjoni mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna mill-Knisja ta’ San Klement sal-knisja l-qadima ta’ Santa Katarina (San Girgor) fiż-Żejtun. Din iċ-ċelebrazzjoni, li tmur lura sas-seklu 16 u li ġiet formalizzata fl-1781 b’digriet tal-Isqof Vincenzo Labini, tibqa’ okkażjoni li tgħaqqad il-komunità madwar tradizzjonijiet reliġjużi u popolari.
L-involviment tal-kunsilli lokali u tal-għaqdiet fiż-Żejtun u Marsaxlokk saħqu li dan l-avveniment kulturali huwa kruċjali biex dawn l-attivitajiet jilħqu lill-pubbliku kollu, speċjalment lit-tfal u ż-żgħażagħ. Il-programm jinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet.
Waħda mill-attivitajiet ewlenin hija serata kulturali organizzata minn Wirt iż-Żejtun, bit-tema “Memorji u tifkiriet ma’ Charles Flores”. Din is-serata se tkun akkumpanjata minn mużika sagra interpretata mill-arpa minn Lydia Buttigieg, kif ukoll sessjonijiet ta’ għana tradizzjonali minn Żeppi Spagnol li se jiffukaw fuq ġrajjiet storiċi bħall-attakk tat-Torok fuq iż-Żejtun fl-1614.
Element artistiku importanti se jkun l-infjorata fuq iz-zuntier tal-knisja, flimkien ma’ xogħol kreattiv fuq platti tal-melħ. Din hija tradizzjoni unika Maltija li bħalissa qed issir ħidma biex tiġi rikonoxxuta bħala wirt kulturali intanġibbli tal-UNESCO. Dawn ix-xogħlijiet se jinħolqu matul il-lejl biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdihom fil-ġurnata ewlenija tal-festa.
Il-ġurnata tibda b’mixja simbolika bħala parti mix-XirCammini – pellegrinaġġ li din is-sena se jsir minn Bir Miftuħ sa Żejtun. Din il-mixja tirrifletti l-aspett reliġjuż u komunitarju tal-festa, li ilha tiġi osservata għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Tul il-ġurnata, iż-Żejtun se jkun mimli ħajja b’bankarelli u wirjiet li juru snajja’ tradizzjonali Maltin bħal bizzilla, xogħol tal-għażżiela u l-arti tal-pavaljuni. Dawn l-esebizzjonijiet mhux biss juru l-ħiliet artiġjanali lokali, iżda wkoll jagħtu opportunità lill-viżitaturi biex jitgħallmu dwar il-proċessi u t-tradizzjonijiet marbuta magħhom.
Attenzjoni partikolari qed tingħata lit-tfal, b’attivitajiet edukattivi u interattivi. Dawn jinkludu tours gwidati mmexxija minn Jeremy Grech kif ukoll kompetizzjonijiet relatati mal-festa biex jinħoloq interess aktar qawwi fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.
Il-pubbliku jista’ wkoll igawdi spazji miftuħa bħal Ġnien il-Kmand u Ġnien l-Għannejja, fejn se jsiru attivitajiet familjari u wirjiet ta’ falkunerija – element li jżid dimensjoni oħra ta’ divertiment u edukazzjoni. Żgur li l-festa ma tkunx kompluta mingħajr l-elementi tradizzjonali Maltin bħall-għana spontanju fil-Pjazza ta’ San Girgor u preżentazzjoni tal-ikel tipiku, fosthom il-ftira Maltija.
Għal dab il-għan saret konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata mill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici u fost oħrajn għaliha attendew is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius u s-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech, li tennew l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi biex jissaħħaħ l-ispirtu komunitarju u jiġi mħares il-wirt kulturali Malti.
//= $special ?>

