Lokali Qorti

Indjan li kien ilu mfittex mill-Pulizija seba’ xhur jiċħad li kkawża biża’ ta’ vjolenza lil martu

Indjan li jgħix San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti akkużat li kkawża lil martu biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontriha wara li kien ilu mfittex mill-Pulizija għal madwar seba’ xhur. Il-koppja kienu ilhom miżżewġin għaxar snin.

Fil-31 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet il-mara kienet qed tħossha ma tiflaħx u baqgħet fis-sodda. Ir-raġel irrabja u beda jgħajjat magħha talli baqgħet fis-sodda u ma ħejjietx il-kolazzjon għalih u għal binhom. Il-Qorti semgħet kif il-mara ħarġet barra tibki, fejn marru fuqha żewġ nisa li ppruvaw jgħinuha, iżda ma setgħux jikkomunikaw magħha minħabba li ma kellhom l-ebda lingwa komuni.

Dakinhar stess filgħaxija, il-mara allegat li żewġha rrifjuta li jagħtiha xi ħobż għax kien “xtrah bi flusu”. Meta binhom saqsieh għall-flus biex ikun jista’ jixtri l-ikel, huwa rrifjuta wkoll. Ir-risk assessment li sarilha wera li kienet f’”periklu estrem”.

Il-Pulizija spjegat li l-akkużat kien ilu mfittex għal diversi xhur, sakemm tliet ijiem ilu irċevew informazzjoni li kien se jirritorna Malta fuq titjira minn Marsilja. Huwa ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, u l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx, billi nnutat li ma kienx hemm rapporti ġodda kontra l-akkużat matul iż-żmien li kien barra minn Malta u li għandu impjieg regolari.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Ġie ordnat ukoll jirrapporta l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa. Barra minn hekk, inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon filwaqt li l-avukat Alex Scerri Herrera deher għall-akkużat.