Internazzjonali

Ir-reġjun tal-Golf jieħu n-nifs fost il-konferma ta’ waqfien mill-ġlied effettiv għal ħmistax

It-theddida tal-Istati Uniti biex tibdel lill-Iran f’post meqrud u diżabitat qed tidher li sfumat, għalissa, u meta għadhom ħerġin id-dettalji ta’ ftehim kawt għal waqfien mill-ġlied effettiv għal ġimgħatejn… Ftehim li jiddependi fuq numru ta’ kundizzjonijiet.

Il-President Amerikan, Donald Trump, qabel il-ftehim, kien qed iwissi li l-qawwiet tal-Istati Uniti kienu lesti biex jibbumbardjaw lill-Iran sal-punt fejn ‘jeliminaw kull ħjiel ta’ ċivilizzazzjoni’f’dan il-pajjiż.

Kien hemm ukoll il-biża’ li l-Istati Uniti, wara ġimgħat ta’ gwerra mal-Iran, setgħet tirrikorri għat-‘tactical nukes’ li huma armi nukleari li l-effetti devastanti tagħhom ikopru zona speċifika ta’ art… It-theddida kienet effettiva f’każ li l-Iran ma kellux jiftaħ ir-Rotta ta’ Hormuz minfejn jgħaddu mal-20 fil-mija taż-żejt u materjal importanti ieħor lill-pajjiżi tad-dinja.

Intant, il-periklu immedjat ta’ gwerra mifruxa ‘il hinn mir-reġjun tal-Golf, għalissa, batta xi ftit, b’Donald Trump, wara s-sigħat ta’ inċertezza, isostni li l-Istati Uniti għandha taħdem flimkien mal-Iran biex ‘isibu u jneħħu l-materjal nukleari minn taħt l-art’… Proċess li fost oħrajn jinvolvi sorveljanza bis-satellita.

Fl-aħħar sigħat, is-Segretarju tad-Difiża, Pete Hegseth, indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li, issa, teżisti tassew opportunità għall-paċi, anki jekk l-inċertezza minkejja tkompli għat-tul taż-żmien.

Il-Viċi-President Amerikan, JD Vance, sadanittant, fisser il-waqfien mill-ġlied bħala ‘xi ħaġa fraġli’ waqt li ħeġġeġ biex l-Iran jinnegozja ‘b’mod ġenwin’ ħalli l-ftehim jibqa’ għaddej mingħajr xkiel.

Hu qal ukoll li l-Iran mgħandux ikompli jirraffina l-uranjum għall-armamenti nukleari waqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iranjan, Abbas Araghchi, ħabbar li pajjiżu għandu jaqbel dwar ‘ceasefire’ f’sitwazzjoni fejn jieqfu l-attakki kontra pajjiżu.

Importanti wkoll kienet l-istqarrija mill-Iran li t-traffiku tal-bastimenti mir-Rotta ta’ Hormuz, issa, se jkun possibbli għal perjodu ta’ ġimgħatejn… Traffiku li se jitmexxa b’koordinazzjoni mal-qawwiet armati tal-Iran u fost il-kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet tekniċi.

Intant, komplew l-attakki fuq xi pajjiżi tal-Golf

Minkejja l-aħħar rapporti pożittivi, numru ta’ pajjiżi tal-Golf qalu li l-attakki mill-Iran fuq arthom baqgħu għaddejjin xorta waħda. Dan għaliex xi kmandanti militari Iranjani fid-diversi reġjuni kienu għadhom ma ngħatawx id-direttivi għas-‘ceasefire’.

L-aħħar attakki bid-drones mill-Iran laqtu l-artijiet tal-Kuwajt fejn ikkaġunaw ħsarat sinifikanti lill-infrastruttura taż-żejt, il-power stations u l-faċilitajiet għad-desalinazzjoni tal-ilma.

L-Iran spara wkoll il-missili u d-drones lejn l-Emirati Għarab fejn l-awtoritajiet ħeġġew lill-poplu biex isegwi l-protokolli tas-sigurtà fi kwalunkwe ħin.

Rapporti simili ngaħtaw mill-Bahrain wara sparatura ta’ drones mill-Iran u fejn l-awtoritjaiet kienu qed jistennew biex is-sitwazzjoni, ftit jew wisq, tirritorna għan-normal.

Jonqsu l-prezzijiet taż-żejt

B’riżultat tal-aħħar żviluppi, il-prezzijiet taż-żejt komplew jonqsu, bil-Brent crude mhux irraffinat jinżel bi kważi 15 fil-mija għall-ekwivalenti ta’ 80 ewro għal kull barmil…Differenza enormi mill-prezzijiet ta’ 120 ewro għal kull barmil fi żmien meta l-isparar tal-missili u d-drones fil-Golf kien għadu fl-eqqel tiegħu.

Il-prezzijiet anki mistennija jkomplu neżlin fil-ġranet li jmiss għalkemm ħadd ma jaf jekk, ‘il quddiem, għandhomx jirritornaw għall-iskala li kienu qabel il-gwerra.

Intant, l-Iran, fost oħrajn, qed jinsisti għall-garanziji li l-Istati Uniti ma tirrepetix l-aggressjoni fuq pajjiżu u li r-reġim f’Teheran għandu jibqa’ f’kontroll sħiħ tar-Rotta ta’ Hormuz. L-Iranjani jridu wkoll l-irtirar tal-qawwiet militari kollha tal-Istati Uniti mir-reġjun u li jitħallas kumpens xieraq għall-impatt tal-gwerra fuq pajjiżhom.