Minkejja r-riżultati sinifikanti tal-aħħar sigħat, il-militar ta’ Iżrael kompla xorta waħda jmexxi mewġa wara mewġa ta’ attakki fuq il-Libanu…Dan fost l-insistenza li l-ftehim tal-Amerikani għal waqfien mill-ġlied temporanju mal-Iran ma kellux japplika għall-konflitt li l-Iżraeljani qed imexxu kontra l-milizji Xiti Lebaniżi tal-Ħeżbollah, alleati mal-Iran.
Mhux mistenni, intant, li l-Iżraeljani se jibdlu din il-politika ta’ gwerra, minkejja t-tentattivi diplomatiċi biex huma wkoll iżommu lura mill-aggressjoni.
Wara li tħabbar il-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Iran, il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani konċentraw l-attakki fuq l-inħawi ta’ Tyre u Nabatieh, lejn in-naħa t’isfel tal-Libani.
U l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, stqarr li pajjiżu, fil-fatt, mhux kopert mill-patt li qed jitkellmu dwaru Donald Trump u Pete Hegseth.
Sadanittant, it-Tmexxija tal-Pakistan, li serviet bħala medjatur fil-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Iran, qed issostni li l-patt inkwistjoni – minkejja dak li qed jgħid Iżrael – suppost li jinvolvi wkoll il-Libanu.
Madankollu, Iżrael għadu ma wera l-ebda dispożizzjoni biex inaqqas mill-qilla tal-azzjonijiet militari fil-Libanu u meta qed jinsisti li joħloq ‘buffer zone’ ta’ sigurtà mal-fruntieri taz-zoni li qed jokkupa bħalissa fI-artijiet proprja tal-Lebaniżi.
Fl-istess ħin, u wara l-invażjoni tal-Libanu mit-truppi ta’ Netanyahu, hemm inkwiet kbir li l-militar Iżraeljan jinfiltra aktar ‘il ġewwa f’dan il-pajjiż filwaqt li jokkupa dejjem aktar zoni ġodda fl-artijiet tal-ġar.
.
//= $special ?>

