Lokali

L-avjazzjoni ġenerali taħt pressjoni: Ħtieġa urġenti għall-ippjanar u s-soluzzjonijiet

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Ivan Castillo, qiegħed jinnota s-sitwazzjoni li qed tiżviluppa bħalissa fis-settur tal-avjazzjoni ġenerali f’Malta, li qed jiffaċċja sfidi operattivi dejjem jiżdiedu.

L-iżviluppi reċenti li qed jimpattaw l-operat tal-Visual Flight Routes (VFR) u l-attivitajiet tat-taħriġ jitfgħu dawl fuq problema usa’ u li ilha teżisti: iż-żieda kontinwa fl-attività tal-avjazzjoni sena wara sena teħtieġ azzjoni serja u immedjata. Il-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul, l-ippjanar u l-identifikazzjoni tax-xejriet huma essenzjali biex sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu antiċipati u indirizzati fil-ħin.

Gvern Nazzjonalista kien strumentali għat-tkabbir tas-settur tal-avjazzjoni, li għadu sal-lum qed jikber b’mod sinifikanti. Filwaqt li dan it-tkabbir huwa pożittiv u jirrifletti kemm Malta għadha attraenti bħala ċentru tal-avjazzjoni, qed joħloq ukoll pressjoni operattiva fuq l-infrastruttura eżistenti tar-runways, u fl-istess ħin qed jillimita n-numru ta’ movimenti ta’ ajruplani li jistgħu jiġu akkomodati b’mod sigur.

Din ir-realtà issa qed ikollha effetti diretti u negattivi fuq akkademji ta’ taħriġ fit-titjir u l-operaturi, li mhux biss jikkontribwixxu lis-settur tal-avjazzjoni iżda wkoll lill-ekonomija. Dawn qed ikollhom inaqqsu l-attività tat-titjir, jipposponu skedi ta’ taħriġ u jassorbu telf operattiv. Dawn ir-restrizzjonijiet mhumiex iżolati u joħolqu effett domino li jolqot il-progress tal-istudenti, id-disponibbiltà tal-istrutturi, is-sostenibbiltà tan-negozji u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kompetittività ta’ Malta fit-taħriġ u s-servizzi tal-avjazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li s-sigurtà trid dejjem tibqa’ l-ogħla prijorità, u kull limitazzjoni operattiva li tiġi introdotta għal raġunijiet ta’ sigurtà għandha tiġi rispettata. Madankollu, is-sigurtà ma tistax tintuża bħala alternattiva għal nuqqas ta’ viżjoni u ppjanar fit-tul.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tenna kemm-il darba li l-avjazzjoni hija pilastru ewlieni tal-futur ekonomiku ta’ Malta, u Gvern Nazzjonalista huwa impenjat li jinvesti u jsaħħaħ dan is-settur.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li jeżistu soluzzjonijiet li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards internazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni filwaqt li jippermettu lis-settur jikber b’mod sostenibbli. Dawn is-soluzzjonijiet jeħtieġu:

  • Viżjoni strateġika u ppjanar fit-tul
  • Involviment immedjat bejn l-awtoritajiet u l-partijiet interessati kollha
  • Komunikazzjoni trasparenti u eżerċizzji ta’ konsultazzjoni xierqa
  • Investiment fl-infrastruttura u rizorsi biex tiżdied il-kapaċità operattiva

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu evalwati bis-serjetà u mbuttati ’l quddiem infrastrutturi alternattivi tal-avjazzjoni, li jista’ jkollhom rwol kruċjali biex itaffu l-pressjoni fuq l-operat eżistenti filwaqt li jiftħu opportunitajiet ġodda għas-settur.

Din mhijiex kwistjoni ġdida, imma hija sfida li ilha tinbena maż-żmien. Dak li hemm bżonn issa huwa tmexxija, koordinazzjoni u pjan ċar, b’viżjoni għall-futur.

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-awtoritajiet kompetenti biex jaġixxu b’urġenza, jiġbru lill-partijiet kollha madwar mejda waħda u flimkien joħolqu soluzzjonijiet konkreti li jissalvagwardjaw kemm is-sigurtà kif ukoll il-futur tal-avjazzjoni f’Malta.