Il-Kap tal-PN Alex borg iżur it-Tastees; kumpanija oħra mmexxija minn familja Maltija li qed twassal il-prodotti tagħha f’diversi pajjiżi madwar id-dinja
L-istorja ta’ Tastees Manufcaturing Ltd tikkonferma kif prodott ġenwin Malti jista’ wkoll jagħmel isem lil pajjiżna meta dan jirnexxilu jsib suq lil hinn minn xtutna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar il-fabbrika tat-Tastees fil-Marsa fejn intlaqa’ minn Steve Calleja, li flimkien mat-tliet uliedu qed ikompli jmexxi dak li beda Ray Calleja fl-1969.

Il-fabbrika, li tipproduċi snacks varji, fosthom il-famużi Twistees, tipprovdi prodotti kemm għas-suq lokali kif ukoll għal swieq lil hinn minn Malta. Il-kumpanija issa ilha diversi snin tesporta lejn diversi pajjiżi Ewropej u qed tħejji biex tibda tesporta wkoll kemm lejn l-Asja kif ukoll lejn pajjiżi fil-kontinent Afrikan.


Tastees Manufacturing Ltd tħaddem total ta’ madwar 85 persuna u l-Kap Eżekuttiv Thresa Atkins qalet li l-kumpanija qiegħda kontinwament tinvesti biex ittejjeb il-prodott u tkun tista’ tesporta lejn aktar pajjiżi. Hija qalet li wieħed mill-akbar investimenti tal-kumpanija huma l-ħaddiema.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, hu u jitkellem mat-tmexxija tal-kumpanija, qal li l-ambizzjoni tal-imprenditur Malti, imżewġa ma’ prodott ġenwin u konsistenti, huma l-ingredjenti li jsawru azjenda ta’ suċċess. Il-fatt li l-prodotti ta’ Tastees huma tant imfittxija kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta huma ċertifikat ta’ suċċess.


Għal din iż-żjara flimkien ma’ Alex Borg kienu preżenti wkoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus u d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.


