Opinjoni

Opinjoni: Għar-riħa tal-cannabis

Il-konklużjoni hi inevitabbli: din id-deċiżjoni mhix difensibbli. Buttigieg għandha terfa’ r-responsabbiltà u l-Gvern għandha jreġġa’ lura dan il-ftehim immedjatament.

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Ċerti deċiżjonijiet politiċi juru nuqqas ta’ ġudizzju profond u jikkonfermaw li l-‘politika’ mhux dejjem hija f’idejn responsabbli. Imbagħad hemm deċiżjonijiet li juru falliment sħiħ ta’ sens komun, ta’ sens morali u sens loġiku.
Id-deċiżjoni tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Cannabis li tisponsorja n-nurseries tat-tfal taqa’ bla dubju fit-tieni kategorija, u li għaliha għadha ma ntrefgħet ebda responsabbiltà governattiva.
Din li l-nurseries tal-football ikunu sponsorjati minn Awtorità konnessa mal-Cannabis (hi x’inhi hija sustanza ta’ droga!) mhix sempliċi oversight, imma hija nuqqas ta’ ħsieb, nuqqas ta’ raġuni u nuqqas ta’ responsabbiltà. Anzi, inżid ngħid li din hija manifestazzjoni ta’ Gvern li tilef kull sens ta’ proporzjon – u li lest juża anke lit-tfal biex jippromwovi narrattiva perikoluża li fl-ewwel stanzi qatt ma kellha tkun kunsidrata.
Sal-lum għad għandi riservi kbar dwar l-użu tal-Cannabis u l-liberalizzazzjoni tal-użu tagħha, u ovvjament ma nistax naċċetta li issa qed noħolqu konnessjoni bejn din id-droga u l-logħob tal-ballun fl-etajiet bikrin. Kien hemm żmien, fi tfuliti meta niftakar il-kumpaniji tas-sigaretti jisponsorjaw il-football u l-Formula One, li eventwalment ġew eliminati minħabba l-konnessjoni li ma għandha tkun teżisti fid-dinja sportiva. Illum, Rebecca Buttigieg qed teħodna 30 sena lura b’irresponsabbiltà tipika Laburista.

Ix-xjenza hija ċara
Ix-xjenza hija ċara, u min jipprova jdawwarha jew jigdeb jew qed jagħlaq għajnejh b’intenzjoni. L-użu tal-cannabis fost iż-żgħażagħ mhux biss riskjuż – huwa dokumentat bħala ħsara diretta għall-iżvilupp tal-moħħ. Ir-riċerka turi li l-moħħ tal-adolexxenti jkun għadu qed jiżviluppa sal-età ta’ 25 sena, u l-esponiment għall-cannabis matul dan il-perjodu jista’ jħalli effetti permanenti. Mhux biss. Studji newroxjentifiċi juru li ż-żgħażagħ li jużaw il-cannabis jesperjenzaw diffikultajiet fil-memorja, fl-attenzjoni u fil-kapaċità li jitgħallmu. Riċerka oħra turi li l-cannabis tista’ tbiddel l-istruttura tal-moħħ stess b’mod speċjali tal-cortex prefrontali – parti essenzjali għad-deċiżjonijiet u l-tal-kontroll. U jekk dan mhux biżżejjed, hemm evidenza li turi li l-użu kmieni ta’ din is-sustanza huwa marbut ma’ riskju ogħla ta’ problemi mentali serji bħad-depressjoni.
Xi rrid ngħid? Li anke jekk il-konnessjoni mhix diretta, imma indiretta, f’dan il-każ ma għandu qatt ikun hemm il-kelmiet ‘Cannabis’ u ‘Sport’ fl-istess xena, wisq u wisq aktar meta l-isport huwa tat-tfal u taż-żgħażagħ.
Dan mhux dibattitu politiku, imma dibattitu loġiku. U x’għamlet Malta quddiem dan kollu? Minflok ma pproteġiet lit-tfal, iddeċidiet li ddaħħal lill-awtorità marbuta ma’ din is-sustanza direttament fil-qalba tal-isport tat-tfal u qed nibagħtu messaġġ ċar: li l-cannabis hija parti normali mill-ħajja, anke fejn suppost qed nibnu stil ta’ ħajja ’l bogħod minn kull vizzju possibbli. U Rebecca Buttigieg?
Minflok ma waqfet u rriflettiet quddiem il-kritika mifruxa – mhux biss politika iżda wkoll minn professjonisti u organizzazzjonijiet serji – hija għażlet li tiddefendi l-indifensibbli. Insistiet li “ma sar xejn ħażin” għax hija mgħammda b’arroganza politika li issa telgħetilha għal rasha. Anzi, ġiet taqa’ u tqum mir-realtà xjentifika provduta u baqgħet twebbes rasha.

Arroganza
Meta għandna għadd ta’ studji li juru li l-użu tal-cannabis fl-adolexxenza jista’ jikkawża telf ta’ IQ li ma jerġax jinkiseb, u meta riċerka oħra tindika li jista’ jfixkel l-iżvilupp normali tal-moħħ u jaffettwa l-funzjonijiet konjittivi fit-tul, kif tista’ persuna responsabbli mill-politika pubblika tħossha komda tiddefendi din l-assurdità. Ir-risposta hija waħda: arroganza. U dan huwa inkwetanti.
L-isport għandu jipproteġi lit-tfal u liż-żgħażagħ kontra l-vizzji u bl-ebda mod ma għandu jqarribhom lejhom. Madwar id-dinja, il-programmi sportivi jintużaw biex iż-żgħażagħ jinżammu ’l bogħod mid-drogi u jsibu żvog li jsaħħaħhom. Hawn Malta, Buttigieg u l-Gvern Laburista jagħżlu li jimxu bil-kontra: l-isport qed jintuża biex jinnormalizza l-cannabis fl-isport. Inkwetanti ferm huwa li t-tfal ma għandhomx sens xjentifiku, imma jassoċjaw l-istil tal-ħajja mas-simboli u l-logos – Awtorità tad-droga li tisponsorja l-logħob tagħhom!

Buttigieg għandha terfa’ r-responsabbiltà
Il-Gvern għandu d-dmir li jipproteġi lit-tfal – mhux li jesperimenta bihom. Għandu jagħti eżempju – mhux jibgħat messaġġi kontradittorji. Meta jagħżel li juża awtorità marbuta mal-cannabis biex tisponsorja d-dinja tat-tfal, ikun qed jikser dan id-dmir b’mod ċar. U meta l-persuna li kienet wara din id-deċiżjoni tibqa’ tinsisti li ma hemmx xejn irregolari, minkejja evidenza xjentifika u kundanna wiesgħa, allura l-problema mhix biss id-deċiżjoni imma hija l-mentalità ta’ kollox jgħaddi. Mentalità fejn il-propaganda tiġi qabel il-prinċipju.
Il-konklużjoni hija inevitabbli: din id-deċiżjoni mhix difensibbli. Buttigieg għandha terfa’ r-responsabbiltà u l-Gvern għandha jreġġa’ lura dan il-ftehim immedjatament.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 8 ta’ April, 2026.