Andrew Agius
Kandidat PN
Tielet Distrett
L iskop uffiċjali ta’ dan l-eżerċizzju huwa li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar kif għandu jiżviluppa pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Il-Gvern ilu juża dan il-metodu b’mod konsistenti: taħlita ta’ informazzjoni, teatru u emozzjoni, maħsuba biex tiġbed lin-nies u timliehom tama għall-futur. Imma meta din it-teknika tiġi abbużata, malajr tiġi żvelata għal dak li hi tassew: maskra tad-duħħan li tipprova taħbi realtajiet inqas pjaċevoli.
Proprju din hi s-sitwazzjoni li jinsab il-Gvern illum. Artist’s impression – imma fejn jaqblilna biss. Tul dawn l-aħħar 13-il sena, il-Partit Laburista daħħal kultura politika fejn l-immaġni u l-marketing saru aktar importanti mill-fatti. Dak li jidher sar aktar importanti minn dak li verament jingħata. Dan qed jidher b’mod ċar hekk kif resqin lejn elezzjoni oħra. Mill-ġdid dehru vizwali sbieħ tar riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — wegħda li qed terġa’ ssir għat-tielet darba fil-manifest, iżda li f’13-il sena għadha ma qabżitx mill-karti għar-realtà.
Tħabbir ta’ parks ġodda minn Project Green u proġetti li lanqas biss issemmew fl-aħħar budget u li għalihom m’hemm l-ebda ċertezza dwar meta u kif se jitwettqu. Viżwali sbieħ ta’ Malta tal-futur għandna kemm trid. Imma r-realtà tibqa’ nieqsa. Ironiku, ikolli ngħid, kif Gvern tant espert fil-marketing u propaganda ma rnexxilux juri b’mod ċar kif se jitwettaq il-proġett tax-xatt ta’ Wied il-Għajn, pereżempju? Fejn huma l-viżwali artistiċi u l konsultazzjoni mar-residenti?
Dan mhux biss nuqqas ta’ serjetà — huwa eżempju ċar ta’ “two weights, two measures” u Gvern li juża l-propaganda, mħallsa mit-taxxi tal-poplu, fejn jaqbel lilu biss. Sistemi tat-trasport tal-massa Fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern ħallas €1.3 miljun lil kumpanija biex tistudja sistema tal-metro. Din ġiet ippreżentata b’pompa kbira lejlet elezzjoni, bi spejjeż addizzjonali ta’ €400,000 biex ittellet it-tinda famuża ta’ fejn Bieb il-Belt. Wara l-elezzjoni, qalulna li l-proġett mhuwiex vijabbli fil-preżent. Madankollu, reġgħu ntefqu €260,000 oħra biex jiġi rivedut.
Sadanittant qed naraw żieda ta’ madwar 35 vettura kuljum fit-toroq tagħna u żieda ta’ madwar 40 persuna kuljum fil-popolazzjoni. Il-problema qed tikber, iżda s-soluzzjonijiet jibqgħu nieqsa. Illum, għadna fl-istess punt: aktar studji, aktar ħin, u l-ebda direzzjoni ċara. B’kollox, qed noqorbu lejn €2 miljun f’eżerċizzju li ftit li xejn wassal għal azzjoni konkreta ħlief website mimlija viżwali artistiċi u problema dejjem akbar.
B’kuntrast, il-Partit Nazzjonalista qed jikkommetti b’impenn ċar, bi żmien definit u b’passi konkreti. Mhux wegħdiet vojta jew spettaklu — iżda direzzjoni. Politika tal-verità, mhux tal-illużjoni. L-ambjent Fil-manifest tal-2022, il-Gvern wiegħed Malta climate neutral, proġetti waste-to-energy u bliet aktar ħodor.
Fil-manifest stess kien jingħad li l-istudji kienu diġà saru u li dawn il-proġetti setgħu jibdew minnufih, mill-ġdid b’viżwali artistiċi sbieħ.
Wegħdiet speċifiċi inkludew:
• is-saqaf tal-bypass ta’ Santa Venera
• open space fi Triq Sant’Anna, il-Floriana
• landscaping f’Ta’ Qali
Ir-realtà hi differenti
Malta qed tmur lura fil-ġenerazzjoni ta’ emissjonijiet, kuntratti għal waste-to energy sfaxxaw minħabba nuqqas ta’ governanza u l-“landscaping” ta’ Ta’ Qali spiċċa f’€300,000 żrar mifrux fuq żona suppost ħadra. Proġetti li suppost kienu lesti biex jibdew baqgħu fuq l-ixkaffa, filwaqt li l-ambjent urban kompla jiddeterjora.
Dan kollu għandu impatt dirett fuq il-kwalità tal ħajja — inkluż żieda fis-sens ta’ solitudni u pressjoni fuq is-saħħa mentali. ll-manifest li għadda Il-lista ta’ wegħdiet kienet twila: saħħa, saħħa mentali, għoli tal-ħajja, sport, Għawdex u aktar.
Illum:
• is-settur tas-saħħa qed jiffaċċja kriżijiet serji u piz qawwi minħabba frodi u sparpaljar ta’ fondi pubbliċi
• is-saħħa mentali tinsab taħt pressjoni kbira, b’infrastruttura mhux adegwata u sptar li mhux jaqdi l-eziġenzi tal-ġurnata
• l-għoli tal-ħajja qed jagħfas fuq familji u żgħażagħ, ta’ kuljum
• Għawdex għadu jistenna investiment proporzjonat mal-bżonnijiet tiegħu
Mhux kull ma jleqq hu deheb. Il-Partit Laburista sar espert fl-arti tad-duħħan — fl-użu ta’ viżwali, slogans u propaganda biex jaljena mill-fatti. Imma dawn ma jistgħux jibqgħu jaħbu n-nuqqasijiet. Rapporti li jgħidu li twettqu 82% tal-wegħdiet ma jindirizzawx il-qofol tal-problema — il-proġetti kruċjali li kellhom jibdlu l-pajjiż baqgħu ma twettqux.
Ma nibqgħux nilagħbu bin-numri u l-istatistika biex inpinġu realtà li tgħodd biss għall-propaganda.
Il-problemi li qed niffaċċjaw illum huma frott ta’ għażliet politiċi ċari — mudell ekonomiku bbażat fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema u tkabbir ta’ popolazzjoni u mhux ta’ produttività, nuqqas ta’ governanza serja u kultura ta’ nepotiżmu u nuqqas serju ta infurzar.
Huwa diffiċli temmen li min ħoloq dawn il-problemi se jkun hu li jsolvihom.
L-għażla
Meta jasal il-mument tal-vot, il-poplu se jkollu jagħżel bejn partit ta’ ħafna kliem u ftit fatti, espert fl-arti tal-ingann u propaganda, jew partit li qed jitlob il-fiduċja biex iwettaq dak li jwiegħed.
Partit li ħoloq il-problemi, jew partit li qed joffri direzzjoni ċara u kredibbli. Il-viżwali sbieħ, imma tassew irridu nkomplu mexjin moħbija wara dil-maskra, jew nagħżlu li nerġgħu lura għar-realtà?
Bil-vot tagħna nistgħu nibdew indawru dawn il-ħolm f’realtà konkreta, b’iktar serħan il-moħħ, b’iktar trasparenza u kontabbiltà.
Daqshekk arti tad-duħħan, imma politika għan-nies u tan-nies, xejn iktar.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

