Dione Borg
Kandidat PN
Ħdax-il Distrett
Kollox jindika li fil-verità l-viżjoni tal-PL għall-pajjiżna hi dik li s-soċjetà Maltija jitnaqqrulha l-prinċipji u l-valuri tagħha biex minflok jiddaħħlu ideat fejn xejn mhu xejn u fejn il-bniedem ma jibqax jitpoġġa fiċ-ċentru.
Għaliex li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politka ma jfissirx li tibgħatlu ċ-ċekkijiet qabel l-elezzjoni iżda li timplimenta politika u policies li tkun tirrispettah fid-dinjità tiegħu. Għall-PL, il-progress soċjali hu mkejjel biss mill-flus iżda ma jikkunsidrax il-ħsarat li ċertu policies iġibu fis-soċjetà.
Il-kwistjoni dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis għal skopijiet ta’ rikreazzjoni kienet waħda minnhom. Minflok sema’ minn dak li qalu l-għaqdiet li jesperjenzaw u jaħdmu kuljum ma’ dan is-settur tant sensittiv u mal-vittmi, il-Gvern Laburista mar f’direzzjoni oħra u attwa biss dak li riedu xi wħud. Minn żmien għal żmien is-soċjetà jkollha bżonn tħares lejha nnifisha u twettaq riformi li jkunu meħtieġa u jinħassu; iżda dan m’għandu qatt ifisser li s-soċjetà titlef it-tajjeb li jkollha fiha.
Dak li ġara fl-aħħar ġranet u li qajjem kontroversja u kritika kbira fis-soċjetà hu propju mibni fuq dan il-ħsieb. Għadni ma nistax nifhem x’jista’ jkun l-iskop li awtorità li tirregola l-użu tal-kannabis responsabbli (ARUC) tisponsorja żgħażagħ li jilagħbu l-football fin-nurseries Maltin.
Dan l-isponsor qajjem kontroversja ġusta għaliex ħadd ma fehem l-iskop warajh; għalkemm jekk taħseb ftit malajr tasal għall-konklużjonijiet. Iżda l-ewwel trid tagħmel u tipprova twieġeb diversi mistoqsijiet:
■ Kif oriġina l-involviment tal-ARUC fin-nurseries Maltin?
■ Min kien wara din l-idea?
■ Għaliex ingħażlu n-nurseries taż-żgħażagħ u tfal biex l-ARUC tkun involuta?
■ Għaliex l-ARUC ma tatx sponsor lil xi entità oħra flok lin-nurseries?
■ Possibbli ħadd ma ħaseb li dan se jkun kontra l-prinċipji tal-isport fir-relazzjonijiet ma’ vizzji?
■ Għaliex l-ARUC trid tibqa’ għaddejja b’dan l-involviment meta għandha kritika qawwija mill-entitajiet involuti?
■ Taf l-ARUC li l-ħsara diġà saret fost iż-żgħażagħ u t-tfal?
■ Sar studju dwar l-effetti ta’ dan l-isponsor fuq it-tfal tan-nurseries?
■ Kif se jirrimedja s-sitwazzjoni l-gvern?
■ Apparti dan l-isponsor, l-ARUC tat xi sponsors oħra lil xi għaqdiet?
Ikun żball jekk inħarsu lejn l-involviment tal-ARUC fin-nurseries Maltin bħala żball jew xi nuqqas ta’ ħsieb kif qal il-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima. Dan ma kinx żball u mhuwiex żball iżda parti minn strateġija sistematika li fil-mira tagħha għandha lit-tfal. Permezz ta’ dan l-isponsor riedu jinnormalizzaw l-użu tal-kannabis billi jidhru li tant din id-droga ma tagħmilx ħsara li anki n-nurseries qed jaċċettawha.
Suppost il-gvern, meta illegalizza l-kannabis, kellu jwettaq kampanji qawwija konra l-kannabis u d-droga. Fejn huma dawn il-kampanji? Fejn huma l-miljuni li suppost qed jintefqu f’dawn il-kampanji? X’inhuma s-suppst effetti pożittivi ta’ dawn il-kumpaniji għaliex il-problema flok ċkienet, kibret?
Il-verità hi l-kontra ta’ dak li wettaq il-Gvern, tant li llum fil-pajjiż hawn problema kbira ta’ droga ġejja mill-fatt li l-Gvern bagħat messaġġ li hu normali jekk mhux tajjeb li wieħed jieħu d-droga għal skop ta’ rikreazzjoni. Issa dan il-messaġġ mhux biss qed jintbagħat biss lis-soċjetà ġenerali iżda qed jintbagħat ukoll lit-tfal tan-nurseries.
L-arroganza tal-Gvern quddiem ir-reazzjoni ngattiva li kellha s-soċjetà kienet waħda li ma itwemminx. Minflok il-gvern ħa pass lura u għall-inqas ipprova jgħid li kien sar żball, baqa’ jwebbes rasu u jisfida billi s-Segretarju Parlamentari responsabbli ddikjarat li ma kinitx se tiċċaqlaq mill-pożizzjoni tagħha. Dan juri l-ħsieb tal-gvern; li akkosta ta’ kollox ma jridx jisma’ iżda jrid jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd basta jdaħħal riforma li jrid hu fis-soċjetà.
Is-soċjetà Maltija m’għandhiex bżonn l-involviment tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis fl-isport. L-isponsors fl-isport Malti għandhom ikunu kumpaniji li jipprovdu alternattivi ta’ divertiment serju u b’saħħtu u mhux it-teħid tal-kannabis fost iż-żgħażagħ.
Issa l-fatti huma li l-ARUC jafu li l-kannabis tagħmel ħsara kbira liż-żgħażagħ u tfal li jkunu qed jiżviluppaw għaliex għandha effetti f’dan is-sens. Għalhekk dan l-isponsor hu wieħed perikoluż; għalhekk l-involviment tal-ARUC fin-nurseries iqajjem ħafna suspetti. Għaliex l-ARUC jafu daqs kulħadd u iktar li dawn l-effetti jeżistu.
Hawn tidħol ir-responsabbiltà politika tal-Gvern. Possibbli ħadd mill-kabinet tal-ministri ma qam jitkellem kontra dan l-isponsor? Possibbli kulħadd hu daqshekk sieket u kompromess li m’għandux kuraġġ jitkellem?
Konna u għadna konvinti fejn il-gvern irid jieħu s-soċjetà Maltija; konvinti li r-rispett lejn is-sewwa naqas u hemm min lest li jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd basta tgħaddi tiegħu.
L-involviment fl-isport tal-aġenzija li tippromwovi l-użu tal-kannabis b’mod responsabbli għandu jitwaqqaf immedjatament iżda mhux biss; għandha tinbidel l-istrateġija u għandhom jitneħħew dawk li ma fehmux il-ħsara li dan l-involviment jagħmel fis-soċjetà. Il-fatt li s-Segretarju Parlamentari ħarġet tattakka lill-Kap tal-PN Alex Borg għaliex wera kemm dan l-involviment kien ħażin juri kemm il-gvern jinsab fuq binarji differenti u kemm il-gvern lanqas hu lest jisma’.
Possibbli l-gvern jemmen li kulħadd hu ħażin u hu biss tajjeb.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

