Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni
Il-laqgħat ma’ NGOs Maltin għandhom rwol importanti ħafna fis-soċjetà tagħna, speċjalment meta nikkunsidraw ix-xogħol soċjali li jsir kuljum biex jgħin lill-individwi u lill-komunitajiet vulnerabbli.
Bħala Deputat, tul il-leġiżlatura kollha, u b’ mod konsistenti ltqajt ma’ NGO differenti kull ġimgħa. Tgħallimt, kbirt u mraħt fil-qasam soċjali, bis-saħħa ta’ dawn il-laqgħat. Hemm sors inspjegabbli. Xi drabi toħroġ mingħandhom bla kliem. Xogħol fis-skiet, meravilja.
F’Malta, l-NGOs (Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi) huma protagonisti kruċjali li joffru servizzi, appoġġ u opportunitajiet lil dawk li jkunu fil-bżonn, ħafna drabi jikkumplimentaw jew saħansitra jimlew il-lakuni li jista’ jħalli barra s-settur pubbliku.
Bżonn ta’ djalogu miftuħ
Il-laqgħat ma’ dawn l-organizzazzjonijiet huma essenzjali biex jinbena djalogu miftuħ bejn diversi partijiet interessati, fosthom il-gvern, il-professjonisti fis-settur soċjali, u l-voluntiera. Dawn il-laqgħat joffru spazju fejn jistgħu jiġu diskussi sfidi reali li qed jaffaċċjaw il-komunitajiet Maltin, bħal faqar, saħħa mentali, dipendenza, vjolenza domestika u l-integrazzjoni ta’ migranti.
Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet li spjegajt dwarhom fl-introduzzjoni ta’ dan l-artiklu, jiġu identifikati proposti konkreti u strateġiji biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-bnedmin.
Ix-xogħol soċjali li jsir mill-NGOs Maltin huwa xogħol wiesa’ u varjat. Ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet joffru servizzi diretti bħall-għajnuna materjali, counselling u terapiji, programmi edukattivi u appoġġ psikoloġiku. Pereżempju, hemm NGOs li jaħdmu ma’ tfal u żgħażagħ li jinsabu f’riskju, billi jipprovdu spazji siguri fejn jistgħu jitgħallmu, jesprimu ruħhom u jiżviluppaw ħiliet ġodda. Oħrajn jiffukaw fuq anzjani li jgħixu waħedhom, billi joffru kumpanija u assistenza fil-ħajja ta’ kuljum.
Inklużjoni soċjali
Aspett importanti ieħor tax-xogħol soċjali huwa l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. L-NGOs ħafna drabi jorganizzaw attivitajiet komunitarji li jġibu flimkien nies minn ambjenti u ħsibijiet differenti, u b’hekk jinkoraġġixxu sens ta’ appartenenza u solidarjetà. Dawn l-inizjattivi huma kruċjali f’soċjetà dejjem aktar diversa bħal dik Maltija, fejn hemm bżonn ta’ aktar għarfien u rispett reċiproku bejn kulturi differenti.
Il-volontarjat huwa pilastru fundamentali fix-xogħol tal-NGOs. Ħafna mill-attivitajiet tagħhom ma jkunux possibbli mingħajr il-kontribut ta’ voluntiera li jagħtu mill-ħin u l-enerġija tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor. Il-laqgħat ma’ NGOs spiss jinkludu wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni għall-voluntiera, sabiex ikunu jistgħu joffru servizz ta’ kwalità u jifhmu aħjar il-bżonnijiet tal-bnedmin li jkunu qed jgħinu.
Madankollu, dawn l-organizzazzjonijiet jiffaċċjaw ukoll diversi sfidi. Waħda mill-ikbar diffikultajiet, li ltqajt magħha, f’diversi NGO’s differenti, hija n-nuqqas ta’ riżorsi, kemm finanzjarji kif ukoll umani. Għalkemm ħafna NGOs jiddependu fuq donazzjonijiet u fondi pubbliċi, dawn mhux dejjem ikunu biżżejjed biex jilħqu d-domanda dejjem tikber għas-servizzi tagħhom. Hawnhekk, nara l-importanza ta’ dawn il-laqgħat minħabba li jservu bħala mezz biex jiġu diskussi modi ġodda ta’ finanzjament u kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet differenti.
Barra minn hekk, il-koordinazzjoni bejn NGOs differenti hija essenzjali biex jiġi evitat xogħol doppju u biex ir-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti. Il-laqgħat joffru opportunità biex dawn l-entitajiet jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jitgħallmu minn xulxin u joħolqu netwerk b’saħħtu ta’ appoġġ. Dan iwassal għal approċċ aktar olistiku fejn il-bżonnijiet tal-individwu jiġu indirizzati b’mod komprensiv.
Rikonoxximent xieraq
Ix-xogħol soċjali f’Malta ma jistax jitqies mingħajr ma nirrikonoxxu l-kontribut enormi tal-NGOs. Huma jservu bħala vuċi għal dawk li spiss ma jinstemgħux, u jaħdmu bla heda biex jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal opportunitajiet u servizzi bażiċi. Il-laqgħat magħhom mhux biss isaħħu dan ix-xogħol, iżda jgħinu wkoll biex tinħoloq politika aktar ġusta u effettiva.
Onestament, mingħajr ma ninħass li qed nesaġera, inħossni onorat li ltqajt ma’ bosta NGO’s li qegħdin jagħml;u ħafna xogħol fis-skiet f’pajjiżna. Bħala politiku rridu nagħmlu ħilitna biex tinżamm u tissaħħaħ il-ħidma soċjali fil-pajjiż. Huma jiffaċilitaw kollaborazzjoni, innovazzjoni u fehim aħjar tal-isfidi soċjali.
Fl-istess ħin, ix-xogħol li jsir minn dawn l-organizzazzjonijiet huwa prova ċara ta’ kemm is-solidarjetà u l-impenn komunitarju jistgħu jagħmlu differenza reali fil-ħajja tal-bnedmin li baqgħu lura fil-ħajja. Għalhekk, huwa importanti li dawn l-isforzi jiġu appoġġjati u rikonoxxuti, sabiex Malta tibqa’ soċjetà inklussiva u ġusta għal kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 8 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

