Libjan ta’ 34 sena, li m’għandux saqaf fuq rasu, tressaq quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi mixli b’serq bi vjolenza u diversi reati oħra marbuta ma’ inċident li seħħ il-Marsa nhar it-Tnejn.
El Sadiq Fraj, li jaħdem bħala mekkanik, qed jaffaċċja akkużi ta’ serq aggravat, pussess ta’ oġġetti misruqa, li kkaġuna ġrieħi ħfief, kif ukoll li hedded u insulta surġent tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Huwa jinsab ukoll akkużat li hu reċidiv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Pulizija mill-Għassa tal-Marsa ġew infurmati b’argument li kien qed iseħħ fil-lokalità fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu.
Meta waslu fil-post, sabu persuna midruba filwaqt li nnutaw żewġ individwi oħra jaħarbu jiġru minn fuq il-post. Il-Pulizija segwewhom u rnexxielhom jaqbdu lil Fraj.
Il-vittma aktar tard spjega lill-Pulizija li kien ġie aggredit minn żewġ persuni u li kienu serqulu żewġ mobiles u kartiera. Huwa għaraf lill-imputat bħala wieħed mill-aggressuri minħabba li kien diġà jafu. Qal ukoll li waqt l-attakk, iż-żewġ irġiel bdew jgħajtu lil xi persuni oħra biex jassistuhom fis-serqa. Il-vittma qal li l-aggressuri qabduh minn xagħru u ġibduh b’mod vjolenti tant li parti minnu nqalgħet. Allega wkoll li sawtuh b’pala tal-ħadid li kien hemm fil-viċin.
Ċertifikat mediku ppreżentat fil-Qorti kkonferma li l-vittma ġarrab ġrieħi ħfief.
Fraj wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih, filwaqt li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Martina Calleja u Martina D’Amato flimkien mal-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa. Għall-imputat dehret l-avukata tal-għajnuna legali Yanica Barbara
//= $special ?>

