Il-Prim Ministru Robert Abela jidher li huwa sodisfatt bl-ispjegazzjoni li tah l-Ministru Anton Refalo b’rabta mal-każ ta’ Totò Riina, Cosa Nostra u l-proprjetà li għandu fil-Qala bil-veduta tal-fliegu.
Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, investigazzjoni mill-ġurnalisti tar-Rai xeħtet aktar dawl dwar il-fatt kif mis-snin 70 u 80, il capo dei capi tal-mafia Cosa Nosta, Totò Riina, kien ġej u sejjer f’pajjiżna – b’wieħed minnhom saħansitra jikkonferma u jagħraf proprjetà fl-Għarb u oħra fil-Qala, fejn Riina kien jirrisjedi f’Għawdex.
Inċidentalment, din l-aħħar proprjetà qedha b’kirja f’idejn il-Ministru Anton Refalo, u liha għandu sa mill-2002. B’Refalo jinqabad mill-ġurnalisti Taljani jħott pittura minn vann u jdaħħalha fl-imsemmija proprjetà. Hawnhekk il-ġurnalist staqsa lill-Ministru sensiela ta’ domandi fosthom jekk kienx jaf min hu Riina…b’Refalo jinsisti li le. Dan fost diversi mistoqsijiet oħrajn li l-Ministru ma kienx jaf iwieġeb u fl-aħħar nett spiċċa kellu jaħrab bil-vann. U qal lill-istess ġurnalist Taljan biex ma jindaħalx.
Mistoqsi mill-ġurnalisti t-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela insista li huwa sodisfatt bl-ispjega li tah Anton Refalo
Magħruf kemm huwa dilettant tal-arti u l-PITTURA, allegatament Anton Refalo qed juża din il-proprjetà fil-Qala, b’veduta unika, bħala store – fost L-oħrajn sabiex iqiegħed l-affarijiet prezzjużi tiegħu; inkluż l-opri tal-arti.
U proprju hija din il-proprjetà li qed tixħet f’baħar ta’ suspetti lil Refalo partikolarment bil-mod kif wieġeb lil media Taljana…b’Robert Abela jgħid li dawn jistgħu jgħidu li jridu.
Ċertament l-aktar li spikka matul dan is-servizz kienet l-attitudni evażiva ta’ Refalo, u l-fatt li qal li ma jafx min hu Totò Riina. Mistoqsi jekk jemmnux, Abela kien evażiv anke hu. Filwaqt li kkonferma li Toto Riina kien fil-Gżejjer Maltin.
Mistoqsi jekk iddiskutewx din il-materja b’mod intern, Abela ta x’jifhem li d-diskussjonijiet fi ħdan il-Partit Laburista ma sarux.
Il-Ministru Anton Refalo huwa proprju mill-Qala u ilu fil-Parlament sa mill-1987 meta kien elett fil-Kamra tar-Rappreżentanti mal-ewwel darba li kien ikkontesta wara li kien gradwa bħala avukat fl-1980. Għalhekk awtomatikament diffiċli wieħed jifhem kif Refalo ma kellux idea bil-preżenza ta’ Totò Riina fir-raħal tiegħu fis-snin 80, jew saħansitra l-iċken idea ta’ min hu – partikolarment hekk kif ilu jikri sa mill-2002 din il-proprjetà fejn kien jirrisjedi Riina.
//= $special ?>

