Hibernians……………….52
Starlites Revive……….57
(9-15)(13-14)(11-16)(19-12)
Starlites Revive bdew l-impenji tagħhom fis-semi-finali tal-play-offs b’rebħa ta’ 57-52 fuq ic-champions renjanti Hibernians f’partita bilanċjata fejn il-kontroll tal-logħba kien aktar fit-tul favurhom (aktar minn 32 minuta minn fuq). Id-difiża aggressiva ta’ Starlites iġġenerat 19-il punt minn turnovers, fejn kellhom ukoll kontribut mill-bank b’15-il punt kontra 6 ta’ Hibs. Hibernians kellhom aktar produzzjoni fiż-żona u fil-fast break (24 għal 6) però Starlites kellhom il-prestazzjoni determinanti ta’ Michela Zammit Cordina li kienet fost l-aqwa fil-court, b’27 punt b’shooting effiċjenti (aktar minn 56%) u preżenza kostanti fl-attakk. Hija kienet kruċjali fil-mumenti importanti, u l-kontribut tagħha kien fattur ewlieni biex Starlites iżommu l-vantaġġ sal-aħħar. Il-partita kellha bidu kwiet tant li sas-sitt minuta kienu saru biss 12-il punt bi Starlites fuq quddiem 9-3 bl-ewwel żewġ trippli ta’ Zammit Cordina u oħra ta’ Philippa Riolo. Il-punti ta’ Hibs ġew minn Lara Micallef u Hayley Macleod qabel ma Georgia Haverlock u Mikela Riolo komplew ikabbru l-vantaġġ ta’ Starlites. Hibs naqqsu d-distakk permezz ta’ Josephine Diaby u Sasha Lecuyer għal skor ta’ 9-15. Fit-tieni sessjoni, Hibs fetħu bi trippla ta’ Marie Buhagiar u wara basket ta’ Jasmine Abela għal Starlites, huma kellhom 8 punti mingħajr risposta fosthom trippla oħra ta’ Buhagiar biex marru fuq quddiem 20-17. Starlites irkupraw u għamlu run ta’ 12-2 b’basket u żewġ trippli oħra ta’ Zammit Cordina flimkien ma’ Julija Dabic u M. Riolo biex daħlu jistrieħu 29-22 minn fuq.
Hibs fetħu t-tielet taqsima bi trippla ta’ Micalled però pronta kienet ir-risposta ta’ Starlites għal darb’oħra bi trippli minn Zammit Cordina u Abela biex fis-seba’ minuta kienu 42-29 minn fuq. Hibs kellhom il-punti ta’ Macleod però Starlites baqgħu b’vantaġġ ta’ 12-il punt fi tmiem is-sessjoni 45-33. Hibs fetħu tajjeb fl-aħħar perjodu meta kellhom trippla minn Diaby u basket ta’ Macleod però Zammit Cordina kompliet bit-trippli tagħha kull darba li Hibs resqu viċin. Hibs għamlu sforz ieħor bi break qasir ta’ 6-1 li wassalhom sa’ sitt punti ‘l bogħod 44-50 qabel ma P. Riolo u Makaila Napoleon reġgħu wieġbu għal Hibs. Wara l-aħħar trippla ta’ Zammit Cordina, Hibs għalqu l-partita bl-aħħar sitt punti bi trippla ta’ Maria Bonett però l-ħin kien favur Starlites li ħarġu rebbieħa 57-52.
Hibernians: M. Buhagiar 6, L. Micallef 12, E. Jovanovic, I. Agius, S. Lecuyer 4, A. Saliba, M. Bonett 5, N. Farrugia, H. Macleod 18, J. Diaby 7, K. Sammut, V. Dabic.
Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo 4, C. Cilia, P. Riolo 5, M. Zammit Cordina 27, M. Fenech, R. Naudi, G. Haverlock 6, F. Vella, M. Napoleon 2, J. Abela 10, J. Dabic 3.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu, Leonardo Silvero.
Caffè Moak Luxol……………..68
Betsson Depiro………………..59
(13-8)(18-23)(21-14)(16-14)
Caffe Moak Luxol kisbu rebħa ta’ 68-59 fuq Betsson Depiro fl-ewwel semifinali tal-playoffs, f’partita fejn żammew kontroll għal ħafna mill-ħin u wrew aktar solidità kollettiva. Luxol kienu superjuri fir-rebounds (47 kontra 35) u sfruttaw aħjar it-tieni opportunitajiet bi 15-il punt, filwaqt li kellhom ukoll impatt akbar mill-bank b’24 punt. Għalkemm Depiro kisbu aktar punti minn turnovers, Luxol irnexxielhom jimponu r-ritmu tagħhom u jżommu l-vantaġġ għal aktar minn 35 minuta. Ir-rebħa tikseb aktar valur meta wieħed iqis li Depiro irkupraw players kruċjali bħal Sophie Abela u Nicole Agius, li żiedu fond u għażliet għall-coach tagħhom. Madankollu, Luxol baqgħu aktar konsistenti tul il-partita u użaw aħjar il-mumenti deċiżivi biex jieħdu l-ewwel pass lejn il-finali. Luxol kellhom l-aħjar bidu meta grazzi għad-difiża agressiva tagħhom ħallew lil Depiro fuq punt wieħed għal aktar minn seba’ minuti. Huma kellhom il-punti ta’ Olivia Wikstrom flimkien mal-aħwa Fenech Pace, Lisa, Sarah u Rebecca biex marru 10-1 minn fuq. Depiro finalment wieġbu bi trippla ta’ Lovely Sonnier bit-taqsima tagħlaq bi tlett punti fuq kull naħa minn Wikstrom u Julia Borg bi trippla għal skor ta’ 13-8. Fit-tieni sessjoni, Luxol kellhom trippla minn Vanya Baldacchino qabel ma Depiro għamlu seba’ punti mingħajr risposta u għamlu l-iskor indaqs 18-18. Wikstrom, S. Fenech Pace u Baldacchino reġgħu poġġew lil Luxol minn fuq però għal darbtejn Depiro ħadu l-vantaġġ wara trippli minn J. Borg. Free-throws minn Julia Borg Xerri u Claire Privitera żammew lil Depiro fuq quddiem però Luxol ippareġjaw b’punt ta’ Ella Abela għal skor ta’ 31-31.
Wara l-intervall, Luxol bdew b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla minn Shanice Farrugia. L-ewwel punti ta’ Depiro ġew minn Borg Xerri u Sonnier però huma qatt ma reġgħu marru minn fuq hekk kif Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ permezz ta’ Farrugia, Wikstrom u L. Fenech Pace. Sonnier kellha żewġ baskets wara xulxin fl-aħħar minuta però Luxol temmew is-sessjoni fuq quddiem 52-45. Fl-ewwel ħinjiet tal-aħħar perjodu kien hemm punti fiq iż-żewġ naħat bi trippla ta’ Sonnier għal Depiro. Basket ta’ Baldacchino fetaħ run qasira ta’ 8-0 minn Luxol għal skor ta’ 65-50. Depiro ippruvaw l-aħħar sforz bi break ta’ 9-0 fosthom trippla ta’ Samira Deguara però ftit kien għad fadal ħin u Luxol għalqu l-partita bil-punti ta’ Eve Axisa u ħarġu rebbieħa 68-59.
Caffè Moak Luxol: G. Carabott, E. Axisa 3, L. Fenech Pace 15, H. Galea, R. Fenech Pace 3, J. Said 1, E. Abela 3, S. Fenech Pace 9, O. Wikstrom 19, V. Baldacchino 10, S. Sciberras, S. Farrugia 5.
Betsson Depiro: S. Abela 2, N. Agius, J. Borg Xerri 10, J. Mallia, C. Privitera 5, C. Fenech, J. Borg 16, C. Portelli 3, N. Borg 2, L. Sonnier 18, S. Deguara 3, H. Farag.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu, Leonardo Silvero.
//= $special ?>

