Sport Waterpolo

Telfa għal Malta, f’wirja pożittiva fl-isfond ta’ tim mibdul u żgħażugħ

Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo.
Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo.

Malta vs Awstralja 12-15

(4-2, 3-6, 2-5, 3-2)

It-tim nazzjonali Malti taħt it-tmexxija ta’ Milan Cirovic fetaħ l-impenji tiegħu fit-Tieni Diviżjoni tat-Tazza tad-Dinja, li qed tintlagħab f’pajjiżna, b’wirja pożittiva u kollettiva kontra l-qawwa tal-Awstralja u b’tim żagħżugħ u b’diversi tibdil ta’ plejers mill-iskwadra li f’Jannar li għadda ħadet sehem fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej li saru fis-Serbja. F’mument xejn faċli għall-amministrazzjoni tal-ASA u għat-tim nazzjonali b’Cirovic u l-eks plejer nazzjonali Malti Jonathan Valletta fit-tmexxija, Malta tilfet b’differenza ta’ tliet gowls kontra avversarji li fir-rankings dinija tal-World Aquatics jinsabu fit-12-il post, b’Malta attwalment tinsab fil-21 post fir-rankings mondjali.

It-telfa ta’ 15-12 għandu jitqis bħala riżultat pożittiv li mhux biss ikompli jikkonferma t-talent ta’ diversi plejers żgħażagħ fit-tim, li għalihom din il-kompetizzjoni hija l-akbar waħda li qatt lagħbu sal-lum fil-karriera tagħhom, iżda ukoll li l-futur hu sabiħ għal Malta, minkejja allegazzjonijiet serji u xokkanti ta’ match fixing li kienu rrapurtati fl-aħħar ġimgħat minn sezzjoni tal-media lokali.

Filwaqt li jidher li possibilment hemm element ta’ verità f’dak li ġie żvelat, illum nafu li l-istorja inizjali li kienet żvelata fl-istess ġurnata li Malta kisbet l-ewwel rebħa fil-Kampjonati Ewropej f’Jannar li għadda, kienet spekulattiva u ‘l bogħod mill-verità u għalhekk min ta jew ħareġ l-istorja, kellu intenzjoni waħda; dik li jagħmel ħsara lil pajjiżu. Dan ma jfissirx li dak li kien rappurtat kienet storja falsifikata iżda meta tqabbel dak li oriġinarjament kien żvelat fil-bidu nett meta faqqa’ dan l-iskandlu, u differenti (għalkemm xorta mhux aċċettabbli f’termini ta’ fair play) minn l-aħħar dettalji li kienu żvelati fil-jiem li għaddew.

Wieħed jittama li f’qasir żmien insiru nafu l-verità kollha u ssir ġustizzja, iżda llhinn minn dan il-prestazzjoni ta’ Malta kontra l-Awstralja uriet biċ-ċar il-ħila u l-abiltà fit-tmexxija tal-istaff tekniku, b’kowċ bravu bħal Cirovic, li kompla jintroduċi u jagħti fiduċja lil numru ta’ plejers ġodda fl-iskwadra nazzjonali. Mit-tim li ħa sehem u ġab l-aqwa riżultat fl-istorja, f’Jannar li għadda, fost oħrajn kien hemm nieqes wieħed veterani tal-iskwadra, Matthew Zammit. Il-captain ta’ San Ġiljan, żamm mad-deċiżjoni tiegħu li jirtira mit-tim nazzjonali, wara li llu karriera sħiħa jagħti kontrinbut importanti u bil-wisq validu lil Malta. Filwaqt li d-deċiżjoni ma kellha x’taqsam xejn ma’ dak li qed ikun allegat, kif kien mistenni n-nuqqas tiegħu kien se jinqas. Madankollu Cirovic xorta waħda setgħa sseraħ fuq l-esperjenza u l-kwalità ta’ plejers bħal Stevie Camilleri u Ivan Nagaev, fost l-oħrajn.

Dawn it-tnejn, flimkien mal-entużjażmu u t-talent taż-żgħażagħ magħżula fl-iskwadra finali ta’ Malta, xprunat lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżna jagħti prestazzjoni tajba kontra tim bil-wisq aħjar minn dak Malti.

L-ewwel sessjoni kienet mirbuħa minn Malta 4-2, iżda fit-tieni taqsima l-affarijiet ħadu xejra oħra. L-Awstralja rebħet is-sessjoni 6-3, u ħadet vantaġġ meta l-Maltin tlifna għal kollox lil Camilleri wara injury serja f’imnieħru. Dan kien fattur li influwenza l-bqija tal-konfront, anke jekk il-plejers ta’ Cirovic baqgħu jagħtu l-massimu tagħhom. Qabel ma weġġa’, Camilleri kien diġa’ skorja tliet darbiet, u għalhekk il-personalità ta’ Camilleri inħasset mhux ftit miż-żgħażagħ tagħna, b’Nagaev refa’ r-responsabiltà kollha fuq spallejħ għall-bqija tal-logħba.

L-Awstralja rebħu ukoll it-tielet sessjoni, b’Malta tirkupra fl-aħħar tmieni minuti tal-logħba meta temmejna r-raba’ u l-aħħar taqsima 3-2 għal skor finali ta’ Malta 12 Awstralja 15.

Apparti t-tliet gowls ta’ Camilleri, il-gowls l-oħra ta’ Malta waslu minn Nagaev li skorja hat-trick ukoll, b’Jeremy Abela u Sam Engerer jiskorjaw doppjeta kull wieħed, filwaqt li Elijah Schembri skorja l-gowl l-ieħor tal-Maltin.

Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll il-prestazzjoni tajba li kellu bejn il-lasti ta’ Malta, il-goalkeeper Nicky Griscti li f’diversi okkazzjonijiet salva blalen importanti.