Futbol Sport

Telfa kbira għall-futbol Rumen wara li tħabbret il-mewt ta’ Mircea Lucescu

Mircea Lucescu
Mircea Lucescu

Il-futbol Rumen tilef wieħed mill-ikbar ismijiet tiegħu hekk kif il-bieraħ tħabbret il-mewt ta’ Mircea Lucescu ħalla din id-dinja fl-età ta’ 80 sena wara li sofra attakk tal-qalb. Huwa kien ġie rikoverat fl-Isptar Universitarju tal-Emerġenza f’Bukarest nhar il-Ġimgħa li għaddiet, ftit jiem biss wara li kien irriżenja minn kowċ tat-tim nazzjonali minħabba problemi ta’ saħħa. Il-karriera tiegħu mal-pajjiż li tant ħabb intemmet b’mod ta’ dieqa, wara t-telfa ta’ 1-0 kontra t-Turkija fil-playoff deċiżiva, li temmet il-ħolma tar-Rumanija li tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja ta’ dan is-sajf.

Mircea Lucescu flimkien mal-kowċ Spanjol, Pep Guardiola.

Lucescu kien figura ċentrali fil-futbol Rumen għal aktar minn ħamsin sena. Bħala plejer, lagħab 64 darba mat-tim nazzjonali u kien il-kaptan fit-Tazza tad-Dinja tal-1970. Aktar tard, bħala kowċ, wassal lir-Rumanija għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew tal-1984. Il-kontribut tiegħu ma kienx limitat biss għall-pajjiż tiegħu għaliex il-karriera internazzjonali tiegħu kienet mimlija suċċessi ukoll.

Appena tħabbret il-mewt ta’ Lucescu, kienu bosta dawk li selmu l-memorja ta’ ‘Luce’, kif ħafna kienu jafuħ u jirreferu għaliħ fid-dinja tal-futbol. Fost dawk li kienu minn tal-ewwel li ħarġu sabiex iselmu u jfakkru l-memorja sabiħa ta’ dan l-ikona tal-futbol kien hemm il-klabb Tork ta’ Galatasaray, fejn magħhom kien rebaħ il-UEFA Super Cup fl-2000 u l-Kampjonat Tork fl-2002. F’messaġġ ta’ kondoljanzi, Galatasaray iddeskrivewħ bħala “il-kowċ li qatt m’huma se jinsew”.

Mircea Lucescu fiż-żmien li kien kowċ ta’ Shakhtar, jidher jiċċajta mal-kowċ avversarju, Jurgen Klopp, meta dan tal-aħħar kien għadu kowċ ta’ Borrusia Dortmund.

Aleksander Čeferin, President tal-UEFA, iddeskrivieh bħala “raġel ta’ intelliġenza u passjoni rari fil-futbol”. Inter u Zenit, żewġ klabbs li tagħhom kien kowċ fil-passat, ukoll esprimew id-dieqa tagħhom, u fil-messaġġ maħruġ minn dawn iż-żewġ klabbs rispettivi huma fakkru fin-numru ta’ unuri li Lucescu rebaħġ magħhom bħala kowċ, fosthom is-Super Cup Russa tal-2016 ma’ Zenit.

F’Mejju tal-2009, Mircea Lucescu jidher qed jippoża mat-trofew tat-Tazza UEFA, mirbuħ mit-tim li kien qed imexxi f’dak iż-żmien, Shakhtar Donetsk.

Lucescu kien ukoll kowċ ta’ Beşiktaş, fejn rebaħ il-Kampjonat wara li kien għadu kif għamel dan ma’ Galatasaray,. Dan hu deskrikt minn ħafna bħala suċċess uniku fit-Turkija. Aktar tard, mal-klabb Ukren ta’ Shakhtar Donetsk, rebaħ tmien Kampjonati u l-UEFA Cup tal-2009.

Bla dubju, il-futbol Rumen tilef mhux biss kowċ kbir, imma wkoll simbolu ta’ viżjoni u eleganza li diffiċli terġa’ tara bħalha.