Fil-Knisja Parrokjali ta’ San Franġisk t’Assisi, ingħatat l-aħħar tislima lil Elio Lombardi.
Elio Lombardi jibqa’ magħruf bħala awtur ta’ diversi rumanzi kif ukoll bħala direttur tal-films. Huwa kellu 92 sena.
Lombardi twieled fl-1933 f’Tas-Sliema u sa minn meta kien għadu tifel kien iħobb il-kant u r-reċtar.
Fl-1982 kien tħajjar jagħmel l-ewwel film qasir tiegħu, A Friend in Need, sabiex ikun jista’ jidħol membru fl-għaqda MACC.
Dan il-film rebaħ l-ewwel post. U l-attur ewlieni tiegħu, Emanuel Grima, rebaħ l-aħjar attur. Minn hemm ’il quddiem Lombardi baqa’ jipproduċi aktar films.
Imbgħad, f’Ottubru tal-1988, Lombardi għamel l-ewwel ‘full feature film’ tiegħu li kien jismu Frida.
L-istejjer tal-films huma kollha kitba tiegħu, minnbarra dak tal-Madonna taċ-Ċoqqa, li huwa kitba ta’ Ġuzè Diacono.
Intant, huwa stmat li tul il-karriera tiegħu Lombardi ħadem mal-200 film. U fl-2020 huwa ngħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Elio Lombardi kien miżżewweġ lil Marija li mietet fl-2018. Il-koppja kellha erbat itfal – Gino, Zep, Aldo u Louiselle.
Għall-funeral tiegħu, minbarra qraba u ħbieb, kien hemm ukoll diversi atturi u personalitajiet li ħadmu ma’ Elio Lombardi.
//= $special ?>

