Internazzjonali

Wara l-iżviluppi tal-Iran…L-Ukrajna tinsisti li hi wkoll tinsab lesta għall-paċi

L-Ukrajna, fil-preżent, qed tipprepara biex tilqa’ għal offensiva kbira oħra mill-qawwiet Russi li qegħdin jokkupawlha l-artijiet taċ-ċentru u l-lvant…Dan ukoll meta l-Ukrajna għadha tappella lill-Punent biex jibqa’ konsistenti fl-appoġġ finanzjaru u militari lill-qawwiet ta’ Volodymyr Zelensky.

Fl-istess ħin, il-President tal-Ukrajna u l-Gvern fi Kiev huma konxji mill-ftehim għal waqfien mill-ġdid temporanju bejn l-Istati Uniti u l-Iran, b’Zelensky isostni li wasal iż-żmien biex il-gwerra f’pajjiżu wkoll tiħu pawża.

Dan meta fl-ebda ħin ma kien hemm waqfien mill-ġlied fit-tul mindu l-qawwiet Russi ta’ Vladimir Putin invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar tal-2022.

Fil-fatt, din il-gwerra issa daħlet fil-ħames sena, bil-konflitt qed jibqa’ karatterizzat mill-battalji intensivi fir-reġjun tad-Donbas, flimkien mat-tbatija tal-familji Ukreni u l-qerda kontinwa tal-infrastruttura ċivili fl-Ukrajna.

It-tmiem ta’ din il-gwerra għadu ‘il bogħod u meta ‘il fuq minn għaxar miljun Ukreni, fil-preżent, qed jgħixu l-ħajja ta’ refuġjati — b’aktar minn miljun jeħtieġu l-għajnuna umanitarja b’urġenza.

Il-President Zelensky qal, issa, li pajjiżu lest biex jimpenja ruħu għall-paċi jekk jara l-passi reċiproki min-naħa ta’ Moska.

Hu qal li l-Ukrajna dejjem insistiet għal waqfien mill-ġlied anki tul is-snin meta r-Russja kienet qed tattakkalha lill-poplu…Fl-istess waqt, Zelensky saħaq li s-sitwazzjoni, bħal fil-każ tal-Iran, tista’ tissolva biss bl-isforzi diplomatiċi.

Jekk kemm-il darba r-Russja taqbel għal waqfien mill-ġlied, is-sitwazzjoni għandha toħloq il-kundizzjonijiet ideali għal ftehim aktar konkret.

Sadanittant, l-Ukrajna, qabel l-aħħar żviluppi, kienet faħħret lill-Istati Uniti għall-attakki mill-ajru fuq l-Iran li hu alleat qrib tar-Russja.

Dan ukoll meta l-Istat Iżlamiku ilu jissupplixxi lir-Russi bid-drones għall-attakki kontinwi fuq l-ibliet tal-Ukreni.

Fl-istess ħin, ir-Russja, illum, tidher li qed tħejji għal offensiva ġdida fl-Ukrajna li kapaċi ssir ftit qabel is-sajf . Iżda hemm anki fattur konfliġġenti peress li r-Russja mill-banda l-oħra, qed tinsisti wkoll rigward qbil dwar termini tal-paċi komprensivi qabel tista’ tikkunsidra li twaqqaf il-kampanja militari.