Lokali

Appell tal-Avukat Ġenerali miċħud: Konfermata sentenza fil-każ ta’ Kolumbjana fuq inċident f’Paceville

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet l-appell imressaq mill-Avukat Ġenerali fil-konfront ta’ Katherin Vanessa Torres Castano, Kolumbjana ta’ 19-il sena u kkonfermat is-sentenza oriġinali mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati.

Il-każ kien jirrigwarda inċident li seħħ fis-7 ta’ Lulju 2025 f’Paceville, meta l-imputata kienet involuta f’argument quddiem stabbiliment u allegatament irreżistiet lill-Pulizija, inġurjathom, u kkawżat ġrieħi ħfief lil uffiċjal wara li tagħtha daqqa ta’ ħarta.

Fl-ewwel istanza, il-Qorti kienet sabitha ħatja ta’ xi imputazzjonijiet relatati ma’ nuqqas ta’ osservanza tal-ordnijiet tal-Pulizija, ħbit u ksur tal-paċi pubblika, filwaqt li lliberatha minn oħrajn, u imponiet twissija. L-Avukat Ġenerali appella sabiex tiġi kkundannata wkoll fuq l-akkużi l-oħra, billi sostna li l-Qorti tal-ewwel istanza għamlet apprezzament ħażin tal-provi u naqset milli tikkunsidra xhieda importanti.

Madankollu, il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda prova li x-xhud imsemmi kien fil-fatt xehed u rrilevat li l-ewwel Qorti kienet wettqet evalwazzjoni dettaljata u raġonevoli tal-provi kollha, inklużi recordings tal-bodycams tal-Pulizija.

Il-Qorti enfasizzat li ma għandhiex tinterferixxi faċilment mal-apprezzament tal-provi tal-ewwel istanza sakemm ma jkunx manifestament żbaljat, u f’dan il-każ ma sabet l-ebda żball ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, l-appell ġie miċħud u s-sentenza oriġinali ġiet ikkonfermata fl-intier tagħha.