Lokali

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

“Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandha rwol importanti f’pajjiżna, partikolarment biex tara li l-persuna tkun irriformata b’dinjità. Dan minbarra l-ħidma importanti ta’ preparazzjoni li ssir f’dan il-post biex ir-residenti jerġgħu jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel il-Ħamis filgħodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn kellu l-opportunità jsegwi mill-qrib il-ħidma li ssir f’dan il-post u jiltaqa’ ma’ uffiċjali u persuni oħrajn involuti fil-qasam korrettiv.

Fil-bidu ta’ din iż-żjara il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ġie milqugħ mit-tmexxija tal-ħabs fejn spjegawlu l-isfidi li r-residenti u l-uffiċjali f’dan il-post jiffaċċjaw jum wara l-ieħor. Hu ntlaqa’ mid-Direttur tal-Ħabs Chris Siegersma.

Matul din iż-żjara Alex Borg żar zoni varji fosthom il-klinika, il-kappella u l-Learning Hub. Ittieħed jara wkoll numru ta’ diviżjonijiet differenti magħżulin mit-tmexxija tal-Ħabs u żar ukoll il-Forn tal-Ħabs qabel ma kellu laqgħa privata mat-tmexxija tal-Faċilità.

Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza li ssir ġustizzja mal-vittmi, fejn ir-residenti tal-Faċilità Korrettiva jifhmu li dak li wettqu kien ħażin. Dan filwaqt li enfasizza fuq l-importanza ta’ riforma vera għal dawn l-individwi.

Intant, għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Darren Carabott u Ivan Bartolo.