Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad l-eċċezzjonijiet ta’ Domenico Galante f’każ ta’ traffikar ta’ 40 kilo cannabis

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ċaħdet l-eċċezzjonijiet kollha mressqa mill-akkużat Domenico Galante f’każ marbut ma’ allegat traffikar u pussess aggravat ta’ cannabis. Il-każ jinvolvi wkoll lill-akkużat l-ieħor Giuseppe Vecchia, fejn it-tnejn qed jiġu akkużati li f’Ottubru tal-2019 assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra sabiex jimportaw jew jittraffikaw droga fil-Gżejjer Maltin, bi ksur tal-liġijiet dwar mediċini perikolużi.

Barra minn hekk, huma akkużati wkoll li kellhom fil-pussess tagħhom cannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kienx għall-użu personali tagħhom. Galante, ta’ 53 sena minn Porto Empedocle, kien ġie arrestat f’Malta fl-2019 flimkien mal-persuna l-oħra wara li nstab fil-pussess ta’ madwar 40 kilo cannabis, maħżuna f’14-il kaxxa. Hu qed jiġi akkużat b’importazzjoni u traffikar illegali ta’ sustanzi.

Fil-proċeduri, Galante ppreżenta numru ta’ eċċezzjonijiet preliminari fejn argumenta li n-narrattiva fl-Att tal-Akkuża ma tirriflettix b’mod preċiż il-fatti kif jirriżultaw mill-atti tal-kumpilazzjoni, partikolarment dwar min fetaħ ċerti kaxxi li allegatament kien fihom id-droga u dwar dettalji oħra relatati mal-każ. Huwa sostna li dawn id-differenzi jistgħu joħolqu preġudizzju u jiksru d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Ġenerali argumentat li n-narrattiva fl-Att tal-Akkuża hija bbażata fuq il-provi li jinsabu fl-atti proċesswali u li l-funzjoni tagħha mhijiex li tipprova l-każ, iżda li tippreżenta l-allegazzjonijiet. Ġie enfasizzat li huma l-ġurati li finalment jiddeċiedu fuq il-fatti u l-kredibbiltà tal-provi waqt il-ġuri.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti spjegat li skont il-liġi Maltija, l-Att tal-Akkuża għandu jinkludi deskrizzjoni tal-fatti kif mifhuma mill-Avukat Ġenerali, iżda dawn ma jikkostitwixxux prova. Il-Qorti rrimarkat li l-ġurati dejjem jiġu mwissija li għandhom jiddeċiedu biss fuq il-provi mressqa waqt il-ġuri u mhux fuq in-narrattiva tal-akkuża.

Dwar l-ewwel u t-tieni eċċezzjoni, il-Qorti sabet li l-Avukat Ġenerali kellu diskrezzjoni leġittima li jinkludi fil-parti narrattiva dawk il-fatti li jqis rilevanti, sakemm dawn ikunu sostnuti mill-atti tal-kumpilazzjoni. Għaldaqstant, ma nstab l-ebda ksur li jiġġustifika tibdil fl-Att tal-Akkuża.

Fir-rigward tat-tielet eċċezzjoni, li kienet tikkonċerna referenza għal allegat perjodu fejn Galante kien maħrub u nġab lura permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-Qorti nnutat li dan id-dettall lanqas biss jidher fl-Att tal-Akkuża. Għalhekk ma kien hemm xejn x’jitneħħa jew jiġi kkoreġut.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti ddeċidiet li tiċħad l-eċċezzjonijiet kollha mressqa minn Galante u ordnat li l-każ jitħalla sine die sakemm ikun magħruf jekk isirx appell jew le. F’Marzu tas-sena l-oħra l-Qorti tal-Kassazzjoni Taljana kienet ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Domenico Galante, u b’hekk ikkonfermat li hu se jiġi kkunsinnat lill-awtoritajiet Maltin biex jiffaċċja proċeduri kriminali relatati ma’ traffikar ta’ droga.

Ir-rikors kien immirat kontra sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Palermo li kienet diġà ordnat l-eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Qorti tal-Maġistrati f’Malta aktar kmieni din is-sena. Din id-deċiżjoni kienet tipprevedi wkoll li, wara li jintemm il-proċess f’Malta, Galante jkun jista’ jintbagħat lura l-Italja biex, jekk jinstab ħati, jiskonta hemmhekk il-piena.

Il-Qorti tal-Kassazzjoni, permezz tas-sezzjoni kriminali tagħha, iddikjarat ir-rikors bħala inammissibbli, u b’hekk saħħet id-deċiżjoni tal-qorti inferjuri. Dan ifisser li Galante spiċċa formalment ikkunsinnat lill-awtoritajiet Maltin skont il-proċeduri tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew.