Għal bosta ċittadini Ewropej, l-Unjoni Ewropea xi kultant tinħass xi ftit distanti fil-ħajja ta’ kuljum. Iżda waħda mill-għodda l-aktar aċċessibbli, id-dritt għall-petizzjoni, toffri opportunità li permezz tagħha l-individwi jistgħu jressqu t-tħassib tagħhom u jeżiġu azzjoni fuq livell Ewropew.
Dan id-dritt huwa eżerċitat mill-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet fi ħdan il-Parlament Ewropew li jeżamina s-sottomissjonijiet minn ċittadini tal-EU fuq temi li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea. Il-petizzjonijiet imressqa miċ-ċittadini jistgħu jwasslu għal dibattiti, skrutinju ta’ jekk l-Istati Membri hux qed jimplimentaw il-liġi Ewropea kif suppost u anke investigazzjonijiet mill-Kummissjoni.
Matul din il-leġiżlatura kien hemm numru ta’ petizzjonijiet li nstemgħu fi Strasburgu jew Brussell, imressqa minn ċittadini Maltin, fuq temi ta’ ħarsien ambjentali, saħħa pubblika u impatt teknoloġiku, turija ta’ kif kwistjonijiet legali jistgħu jqanqlu diskussjoni fuq livell Ewropew. Il-Parlament Ewropew jisma’ madwar 1,500 petizzjoni fis-sena fuq temi differenti.
Petizzjonijiet imressqa minn ċittadini Maltin fl-aħħar sentejn trattaw temi bħad-drenaġġ mormi fl-ibħra tal-pajjiż, it-tniġġis marbut mal-istorbju u l-impatt li dan ikollu fuq il-kwalità tal-ħajja, tħassib dwar attività industrijali, inkluż impjant tat-tarmak, u l-effett fuq is-saħħa tar-residenti tal-madwar, l-effett tax-xarbiet enerġetiċi b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ u tfal, u oħra dwar l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali fuq l-industrija tal-films, b’mod partikolari dwar ir-riskji għall-ħaddiema fdis-settur kreattiv.
“Il-proċess tal-petizzjonijiet huwa wieħed mill-aktar metodi diretti ta’ kif ċittadin Malti jista’ jwassal il-vuċi tiegħu fl-Ewropa. Dan hu mezz li jiżgura li l-Unjoni Ewropea mhix xi ħaġa li tinsab ‘il bogħod, iżda xi ħaġa li tisma’ u twieġeb għal dak li jkun qed iħoss u jesperjenza ċ-ċittadin fil-ħajja ta’ kuljum”, sostna l-MEP Peter Agius.
Huwa tkellem dwar ir-rwol li għandu Membru Parlamentari Ewropew biex jappoġġja liċ-ċittadini Maltin f’dan is-sens u sostna li fl-ewwel sentejn ta’ din il-leġislatura ħadem biex sitt petizzjonijiet waslu sal-Parlament Ewropew u b’hekk dawn iċ-ċittadini setgħu jressqu l-istorja u t-tħassib tagħhom sal-ogħla istituzzjonijiet Ewropej.
“Tul is-snin, l-Ewropa żviluppat numru ta’ liġijiet li għandhom l-għan li jsaħħu l-kwalità tal-ambjent, tal-arja ta’ madwarna, u li jtejbu saħħitna. Iżda dan mhux biżżejjed jekk l-istess liġijiet jibqgħu fuq l-ixkaffa. F’dan is-sens, iċ-ċittadin għandu dritt ifittex rimedju fil-Parlament Ewropew meta l-Gvernijiet nazzjonali ma jkunu qed jimplimentaw dawn il-liġijiet kif jixraq, għad-detriment tal-istess ċittadini”, sostna l-MEP Agius.
“Xogħolna bħala Membri Parlamentari Ewropej hu proprju li ngħinu lil dawn l-istess ċittadini jiżviluppaw u jwasslu dawn il-petizzjonijiet b’mod li jintlaqgħu mill-kumitat responsabbli biex b’hekk jitħaddem dan il-proċess.”
Il-proċess tal-petizzjonijiet huwa wieħed aċċessibbli, u wara li petizzjoni tkun aċċettata, din tista’ tiġi diskussa pubblikament, fejn iċ-ċittadini kkonċernati jkollhom id-dritt li jipreżentaw il-każ tagħhom direttament quddiem l-MEPs. Il-kumitat parlamentari, f’din il-fażi, jista’ jitlob aktar informazzjoni, jinvolvi lill-Kummisjoni Ewropea jew jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet lokali biex tittieħed azzjoni.
Astrid Vella, Koordinatriċi ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar u li ħadmet fuq waħda minn dawn il-petizzjonijiet qalet li dan il-proċess għandu rwol importanti biex iżid l-għarfien u jixpruna skrutinju fuq livell Ewropew.
“Il-petizzjonijiet joffru mezz formali li permezz tiegħu t-tħassib taċ-ċittadini jista’ jitwassal lil hinn mill-kuntest nazzjonali. L-esperjenza ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar permezz tal-petizzjoni dwar il-ġestjoni tad-drenaġġ u t-tniġġis tal-baħar hija turija ta’ dan. Il-petizzjoni għenet biex il-kwistjoni ngħatat aktar attenzjoni kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir lokali. Minkejja li bidliet tanġibbli jieħdu xi ftit aktar taż-żmien, il-petizzjoni wasslet għal aktar monitoraġġ u diskussjoni pubblika”, spjegat is-Sinjura Vella.
Hija żiedet tgħid li filwaqt li l-petizzjonijiet mhumiex se jsolvu kollox waħidhom, joffru għodda ta’ valur biex iżidu l-għarfien, jagħmlu aktar pressjoni, issaħħu t-trasparenza, u jappoġġjaw l-isforzi ta’ ħarsien tal-ambjent fuq tul ta’ żmien.
“Il-petizzjonijiet mal-UE jagħtu kuraġġ u saħħa lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li ta’ spiss iħossuhom li lokalment ma jistgħu jaslu mkien bl-ostakli li jsibu quddiemhom” qalet is-Sinjura Vella.
F’dan is-sens, il-possibbiltà li wieħed iressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew hija fundamentali biex isaħħaħ il-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej. Skont ċifri ppubblikati mill-Ewrobarometru, il-Parlament Ewropew huwa l-aktar istituzzjoni Ewropea fdata mill-Maltin, b’aktar minn 70% jesprimu xewqa li dan jilgħab rwol aktar importanti fir-rigward ta’ temi li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum.




