Lokali Mużika

Kunċert mużikali fl-okkażjoni tal-25 sena tal-programm ‘Marċi u Bandalori’

Fl-okkażjoni tal-25 sena mill-bidu tal-programm ferm popolari ‘Marċi u Bandalori’, nhar is-Sibt li ġej se jittella’ kunċert fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista – serata li d-dilettanti tal-festi żgur ma jistgħux jitilfu.

Waqt dan il-kunċert se jidderieġu għaxar surmastijiet differenti u fost l-oħrajn se jkun hemm żewġ marċijiet brijużi partikolari, li wieħed huwa iddedikat għall-preżentatur Joe Chetcuti.

Dan il-marċ li huwa miktub mis-Surmast Andrew Coleiro jismu 25 sena Anniversarju Joe Chetcuti.

Imbagħad se jiġi preżentat marċ ieħor illi żgur li huwa familjari mas-semmiegħa ta’ dan il-programm għaliex huwa propju l-marċ li jintuża f’kull programm u li nkiteb minn Anthony Camilleri.

L-Erbgħa filgħaxija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello żaru l-aħħar preparamenti għal dan il-kunċert mużikali.

Waqt din iż-żjara, Alex Borg tkellem mal-bandisti preżenti fejn saħaq fuq l-importanza li jinżammu ħajjin it-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna. Filwaqt li rringrazzja lil Joe Chetcuti għall-kontribut tiegħu f’dawn l-aħħar 25 sena.

Dan il-kunċert, li qed jittella’ bl-għajnuna tal-Kumitat Organizzattiv, se jsir nhar is-Sibt li ġej fit-8:15 ta’ filgħaxija u se jkun ippreżentat minn Pauline Marie Chetcuti u Francesco Catania.

Intant, dan il-kunċert qed jittella’ taħt il-Patroċinju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.