L-inġinier ewlieni tat-tim tal-Formula 1 tar-Red Bull, Gianpiero Lambiase se jingħaqad ma’ McLaren fl-2028. Lambiase, li hu magħruf bħala l-inġinier tal-eks champion tad-dinja, Max Verstappen, se jkollu rwol ta’ fejn se jkun qed jaħdem qrib l-inġinier Taljan, Andrea Stella li hu l-prinċipal tal-McLaren.
Din il-mossa għandha l-għan li ssaħħaħ il-ħidma operattiva tal-McLaren, f’era fejn ir-regolamenti tal-Formula 1 qed ikomplu jsiru aktar kumplessi. Lambiase, hu t-tielet isem, wara dawk ta’ Rob Marshall u Will Courtenay, li se jkunu qed iħallu lit-tim tar-Red Bull sabiex jissieħbu mal-McLaren. Dan mhux kollox għaliex ir-Red Bull diġa’ tilfu lil Adrian Newey u Jonathan Wheatley; żewġ membri oħra importanti li ħadmu mat-tim tal-Formula 1 li jikkompeti taħt liċenzja Awstrijaka u bbażat fl-Ingilterra.
Lambiase se jgħin biex itaffi l-piż fuq Stella, li bħalissa jokkupa wkoll ir-rwol ta’ Direttur Tekniku tal-McLaren. Rapporti li Stella jista’ jingħaqad ma’ Ferrari ġew miċħuda minn sorsi fi ħdan il-McLaren.
Lambiase, li għandu relazzjoni mill-qrib ma’ Verstappen, se jkun qed jitlaq lir-Red Bull f’mument ta’ trasformazzjoni kbira li qed jagħmel dan it-tim u li qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi taħt ir-regolamenti l-ġodda tal-Formula 1, tant li fl-ewwel tiġrijiet li kelna s’issa f’dan l-istaġun il-ġdid, ir-Red Bull naqqsu fil-kompetittività tagħhom.
//= $special ?>

