Nikkundannaw l-attentat kodard tal-Gvern biex jerġa’ jqajjem pjanijiet antiki ta’ pont pedonali kontroversjali qrib il-waqfa tal-karozzi tal-linja ‘Kulleġġ’ fl-Imsida. Din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr konsultazzjoni mal-pubbliku, il-kunsilli lokali kkonċernati u r-residenti. Il-Kunsilli Lokali tal-Imsida u tal-Pietà ivvutaw kontra l-pont pedonali.
Dan intqal fi stqarrija minn Moviment Graffitti li spjegaw ukoll li riċentement, il-Gvern reġa’ qajjem din il-proposta perikoluża. B’mossa malizzjuża, ressaq mill-ġdid seba’ dokumenti bħala “emendi minuri” għall-pjanijiet eżistenti, u b’hekk evita kull bżonn ta’ evalwazzjoni jew opportunità għal oġġezzjoni mill-pubbliku.
Moviment Graffiti argumentaw ukoll li barra minn hekk, il-Kunsilli Lokali tal-Imsida u l-Pietà kienu mwiegħda konsultazzjoni wara li l-pjan tal-pont pedonali reġa’ tqajjem aktar kmieni din is-sena. Dawn il-wegħdiet ma ġewx imwettqa mill-awtoritajiet, u l-kunsilli tħallew fid-dlam.
Għalhekk huma flimkien ma’ Friends of The Earth Malta, Rota u flimkien għal Ambjent Aħjar kkundannaw il-mod kif il-Gvern qed jgħaddi bħal gaffa minn fuq il-komunitajiet biex jimbotta viżjoni iċċentrata fuq il-karozzi, li tpoġġi s-sigurtà tan-nies f’riskju, u li qed jagħmel dan billi jerġa’ jqajjem mill-mewt pjanijiet li diġà ġew ikkritikati u abbandunati.
//= $special ?>

