Angelo Micallef
Nhar il-Ħadd li ġej fl-Ungerija se ssir elezzjoni ġenerali li se jkollha attenzjoni internazzjonali li mhux soltu tgawdi elezzjoni fl-Ungerija.
Dan ma ngħidux b’disrispett lejn l-importanza tal-Ungerija bħala pajjiż imma f’sens realistiku, normalment l-Ungerija mhijiex meqjusa bħala xi forza politika li se jkollha impatt kbir lil hinn mill-fruntieri tagħha. Iżda din id-darba huwa proprju l-oppost.
Il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban u l-partit tiegħu Fidesz ilu fil-poter sa mill-2010 u għalhekk qiegħed jipprova jikseb il-ħames mandat tiegħu. Fl-aħħar elezzjoni kiseb rebħa komda ta’ 54.1%, f’elezzjoni fejn kien ċar ħafna minn kmieni li Orban u l-Fidesz kienu se jiksbu r-raba’ mandat. Ugwalment l-elezzjonijiet l-oħra li rebaħ Orban normalment kienu ċari li kienu destinati għal rebħa Orban sa mill-bidu nett.
Sitwazzjoni differenti
Iżda din id-darba s-sitwazzjoni hija differenti. L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika s’issa jgħid li l-partit Tisza ta’ Peter Magyar qed igawdi vantaġġ fuq Fidesz sabiex b’hekk bħal donnu għall-ewwel darba sa mill-2010 il-pożizzjoni ta’ Orban hija taħt theddida ċara.
Din mhijiex sempliċi għażla bejn żewġ partiti u żewġ Prim Ministri. Din hija għażla ta’ fejn l-Ungerija trid tieħu lilha nfisha. Fuq naħa tista’ tagħżel li twieġeb is-sejħa li qed jagħmlulha r-Russja u l-Istati Uniti u cioè li tkompli t-triq lejn stat awtokratiku fejn il-midja hija dominata mill-gvern; fejn il-ġustizzja hija dubjuża u fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu kollha mill-Prim Ministru prattikament waħdu.
It-triq fejn l-Ungerija qed tkompli tkabbar id-distanza bejnha u bejn il-bqija tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea għajr is-Slovakkja u fejn minflok l-Ungerija hija aktar komda tikkollabora mar-Russja ta’ Putin. It-triq fejn mhux kulħadd jingħata d-drittijiet tiegħu kif jixraqlu. Min-naħa l-oħra hemm it-triq li tara lill-Ungerija tingħaqad lura mal-familja Ewropea fejn mill-ġdid tibda tabraċċa l-valuri tal-politika demokratika u ħielsa u l-valuri li jsawru l-bażi tal-Unjoni Ewropea.
L-ostilità ta’ Orban lejn l-Unjoni Ewropea u lejn id-demokrazija Ewropea u l-fanatiżmu pro-Russu tiegħu qiegħed iwassal sabiex l-Ungerija qiegħda b’mod effettiv tfixkel u xxekkel l-Unjoni Ewropea. Sitwazzjoni fejn l-Ungerija qiegħda twaqqaf lill-Ewropa milli tħares l-interessi tagħha bl-użu tal-veto bl-aktar mod distruttiv possibbli.
Appoġġ tabilħaqq ironiku
Naturalment huwa ironiku li din il-forza politika pro-Russa tgawdi l-appoġġ entużjast ta’ Donald Trump u l-amministrazzjoni tiegħu. Hija ironika li fl-aħħar jiem rajna lill-Viċi President J D Vance jattakka lil Brussell għal dak li hu sejjaħ indħil politiku fil-proċess elettorali Ungeriż waqt li l-istess Vance kien qiegħed jindirizza rally b’turija ta’ appoġġ lejn Orban.
Huwa ironiku li l-pajjiż li jridha tal-paladin tad-demokrazija globali u jippretendi li lkoll inbaxxu rasna quddiemu u nqimuh bħala xi alla tad-demokrazija, issa qed juża s-saħħa politika tiegħu biex jipprova jgħin wieħed mill-aktar mexxejja antidemokratiċi fl-Unjoni Ewropea jikseb il-ħames mandat infila tiegħu u għalhekk effettivament ikompli jbiegħed lill-Ungerija mill-Unjoni Ewropea u jressaqha lejn ir-Russja.
Lejn il-bidu ta’ triq twila
Naturalment li Orban joħroġ tellief fl-elezzjoni tal-Ħadd li ġej hija essenzjali; iżda hija biss il-bidu ta’ triq twila ħafna sabiex l-Ungerija terġa’ mill-ġdid tassew tabbraċċa d-demokrazija ħielsa.
Editorjal tal-5 ta’ April fuq The Financial Times kien jgħid hekk, “Though past elections have been deemed “free but not fair” — due to Fidesz’s overwhelming communications dominance — opposition campaigners fear the ruling party may resort to more heavy-handed manipulation this time, or challenge the results if it is declared the loser. Even if Tisza wins, as in Poland, the Fidesz system and network may prove hard to dismantle. But an opposition victory would offer the prospect of reviving open democracy in Hungary, and remove a frequent brake on EU decision-making, above all on aid to Ukraine. It would be a reversal for the populist right while it is on the march in much of western Europe. And it would demonstrate that authoritarian regimes are not always as entrenched as they might appear. A lot more than domestic issues will be at stake when Hungarians cast their ballots.”
Tassew kliem meqjus u mirqum!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 9 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

