Opinjoni

Opinjoni: Kif isir stħarriġ tal-opinjoni pubblika u kif qed jisirqulna l-ħin tagħna

Mark A. Sammut Sassi

L-artiklu tal-lum maqsum fi tnejn.
L-EWWEL TAQSIMA


Il-kampjonarju ta’ kull stħarriġ
Id-differenza bejn stħarriġ u referendum mhix biss li l-istħarriġ isir minn kumpanija privata mentri referendum isir mill-Istat. Hi wkoll li stħarriġ isir b’mistoqsijiet lil numru żgħir ta’ nies (“kampjonarju”) mentri referendum hu miftuħ għal kull min għandu jedd jivvota.
Punt parentetiku malajr. Xi żmien ilu, il-Professur Saviour Formosa argumenta li billi jidher li r-riżultati miksubin wara li jsir stħarriġ bosta drabi jkunu preċiżi, kważi kważi m’hemmx bżonn ta’ elezzjonijiet u referendi. Dan kien punt interessanti ħafna, imma sab oppożizzjoni kbira u twarrab.
B’danakollu, il-punt tal-Professur Formosa kellu piż kbir. Għax verament ir-riżultati ta’ kważi kull stħarriġ li sar f’Malta wera t-tendenzi fil-burdata tal-popolazzjoni. Però, il-problema hi li appuntu fi stħarriġ tiġi mistħarrġa l-popolazzjoni. In-numru żgħir ta’ nies (il-“kampjonarju”) hu mill-popolazzjoni.
X’jiġifieri? Ifisser li qatt m’għandna garanzija li n-nies li jsirulhom il-mistoqsijiet huma parti mill-popolazzjoni u mhux bilfors u biss mill-elettorat.
L-elettorat hu dak li jiddeċiedi l-elezzjonijiet u r-referenda. U l-elettorat hu biss parti mill-popolazzjoni.
U allura lili tiġini l-mistoqsija: meta jsir stħarriġ, lil min ikunu saqsew? Il-kampjonarju mnejn ittieħed? Mill-elettorat jew mill-popolazzjoni?
Kif nafu, bejn 23% u 27% tal-popolazzjoni ta’ Malta hi magħmula minn nies li m’humiex Maltin (jiġifieri mhumiex eletturi).
Jien għadni ma rajt l-ebda stħarriġ tal-opinjoni pubblika li jiddikjara b’mod ċar li l-kampjonarju hu kollu magħmul minn eletturi u l-metodi li bihom ġie aċċertat li l-persuna mistħarrġa kinitx verament elettur.
Ngħidu aħna: flejt bir-reqqa l-istħarriġ ta’ ftit tal-ġimgħat ilu magħmul mill-Malta Today mhux dwar lil min se jivvutaw in-nies mistħarrġa imma dwar min jaħsbu li se jirbaħ l-elezzjoni. Imkien ma kien hemm indikat il-kampjonarju minn fejn ittieħed, u kif.
(Apparti l-fatt li l-fiduċja tiegħi fil-Malta Today hi baxxa. Ara kieku jkunu ta’ The Shift, nemminhom, għax għandi idea tajba tal-etika personali ta’ Caroline Muscat.)
L-istess dwar l-istħarriġ fuq l-abort. Għalija hu ovvju li hemm domanda għall-abort mill-ħafna ħaddiema barranin li jaħdmu Malta u jgħixu ħajja diżorganizzata. Ħafna nisa barranin ħallew lil żwieġhom f’pajjiżhom u ġew hawn jaħdmu. Ħafna rġiel barranin għożieb isibuha diffiċli jfanndu l-għeruq f’ħajja stabbli tal-familja, għax il-kondizzjonijiet tagħhom huma l-ħin kollu fluwidi. Dan-nies bilfors jgħixu stil ta’ ħajja li jkun jirrikjedi l-abort. Allura jien ma nafx jekk meta naqraw ir-riżultati ta’ kull stħarriġ dwar dat-tema morali nkunux qed naqraw ir-riżultati tal-fehmiet tal-eletturi jew tal-popolazzjoni.
Issa jista’ jkun li l-analiżi tiegħi hi żbaljata, għax m’għandix id-dejta kollha meħtieġa għal deduzzjoni sħiħa. Bid-dejta li għandi f’idi, però, inħoss li nista’ nqajjem id-dubju dwar l-utilità vera tal-pubblikazzjoni ta’ stħarriġ wieħed wara l-ieħor… L-utilità, irrid infisser, għall-elettorat Malti. Għax l-utilità għall-Gvern ħafna drabi tkun ċara daqs dmugħ il-għajnejn.

IT-TIENI TAQSIMA

Il-Lecture tal-Fondazzjoni Peter Serracino Inglott (PSI)
Ftit tal-jiem ilu, il-Fondazzjoni PSI organizzat lecture mogħtija minn Marisa Xuereb (li fl-imgħoddi mexxiet il-Kamra tal-Kummerċ) dwar l-idea li għandna jedd li nieħdu l-ħin tagħna.
Irrid nammetti li għandi simpatija enormi għall-Kamra tal-Kummerċ. Hi waħda mill-ftit organizzazzjonijiet f’Malta li konsistentement toħroġ b’ideat tajbin u li naqbel magħhom kważi 100%. Il-Kamra, nassumi, timxi ħafna fuq il-pariri tal-ekonomisti, u, jekk qed nassumi tajjeb, das-serħan fuq l-ekonomisti jwassalha biex ikollha suġġerimenti mhux biss sensati imma li jaraw fit-tul.
Ħafna drabi ġara li nkun ħsibt xi ħaġa u ftit wara naqra li l-Kamra tkun ħarġet b’analiżi u/jew suġġeriment li jkun bejn wieħed u ieħor l-istess. Mhux għax jien xi ħaġa speċjali, imma forsi għax nisma’ b’attenzjoni kbira dak kollu li jgħiduli n-nies li huma fil-business.
Nistqarr li f’ħajti tgħallimt ħafna minn żewġ għejun. Mill-anzjani ta’ dari li kellhom intelliġenza kbira imma ma marrux skola: dawn kemm il-ħila janalizzaw il-ħajja barra mill-iskemi akkademiċi imma, b’riħet l-intelliġenza tagħhom, setgħu jiflu s-sitwazzjoni kkumplikata tal-ħajja u joħorġu għarbiel tagħhom li jkun profond. Uliedhom u wlied uliedhom, imbagħad, studjaw, u dik l-intelliġenza sarrfuha f’għarfien aktar strutturat. Imma l-ħmira tal-intelliġenza hemm kienet… kulma kien nieqes kien il-forn.
L-għajn l-ieħor miż-żewġ għejun li minnu tgħallimt qatigħ kienu n-nies fil-business. Jagħmlu osservazzjonijiet li jkunu għera mit-termini speċjalizzati… imma jekk taqbeż l-aspett lingwistiku u tqis dak nozzjonali, tintebaħ li jkunu lemħu pattern fl-ekonomija u fis-soċjetà, u, jekk tkun stuż, titgħallem ħafna minnu. Ma jfissirx li b’dal-osservazzjonijiet biżżejjed, għax spiss ikunu neqsin mill-istruttura li tagħti l-formazzjoni akkademika. Imma jkunu osservazzjonijiet tant brillanti li l-musmar jolqtuh fuq rasu. Niftaħ parenteżi. Dwar il-psikoloġija, imbagħad, tgħallimt l-aktar minn nies li huma impjegati. Hemm bosta raġunijiet għala dil-kategorija tosserva aktar l-imġiba tal-interazzjonijiet umani tal-wieħed mal-wieħed. Fil-verità, jista’ jingħad li l-ekonomija hi branka tal-psikoloġija, imma tal-imġiba tal-kotra. Allura nara li l-impjegati jeċċellaw fil-psikoloġija tal-wieħed mal-wieħed, mentri dawk fil-business fil-psikoloġija tal-kotra. Iż-żewġ kategoriji huma għejun straordinarji ta’ tagħlim. Parenteżi magħluqa.
Dan kollu biex ngħid għaliex l-osservazzjonijiet ta’ Marisa Xuereb inqishom prezzjużi.
F’dik il-lecture tal-Fondazzjoni PSI, Marisa Xuereb tkellmet dwar l-idea ta’ PSI, espressa xi 20 sena ilu, li għandna l-jedd li nieħdu l-ħin tagħna. Fost ħwejjeġ oħra, Marisa Xuereb tkellmet dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. Xtaqt nieħu spunt minn dan.
Jidhirli li l-kambjamenti l-kbar li seħħew f’dal-aħħar 20 jew 25 sena, fid-dinja u f’Malta, seħħew mingħajr il-kunsens tagħna, b’mod mill-aktar anti-demokratiku. Joqogħdu jgħadduna biż-żmien dwar il-jedd li noqtlu lil uliedna (bl-abort) u li għandna niddeċiedu b’referendum u dal-ħafna bżar fl-għajnejn. Imma dwar dak li joqtlilna l-ħin tagħna, ma jingħadilna xejn.
U la dwar referendum u lanqas dwar xejn aktar. Fid-dinja int għandek żewġ riżorsi, u tnejn biss. Dawn huma l-Ħin u l-Flus. Mingħajr flus ma tgħixx fil-ħajja dominata mill-kapitaliżmu. U mingħajr ħin… la tgħix ħajja ta’ kwalità u lanqas ma tgħix… fis-sens: jekk timrad, itirlek il-ħin għax il-marda teħodhulek kollu. Ħadd ma jaf kemm għandu ħin fit-tul – ħadd minna ma jafu t-tul ta’ ħajtu. U filwaqt li lkoll nafu li għandna 24 siegħa f’kull ġurnata, nafu wkoll li dak il-ħin kontinwament jisirquhulna, joqtluhulna. Dal-artikli jien intellagħhom fil-paġna tiegħi tal-Facebook, u dal-aħħar xi ħadd tefa’ kumment taħt l-artiklu li fih ikkwotali minn Marx. Lil dal-qarrej fhimtu, għax ġie li, mingħajr ma ngħidha espliċitament, inkun qed nirreferi għal ideat missellfin minn Marx. Mhux għax jien Marxist – altru! Imma għax, kif kien xamm il-mibki Peppinu Cassar, hemm ħafna x’titgħallem minn Marx.
Fl-1977, Peppinu Cassar (Membru Parlamentari u Ministru tal-Partit Nazzjonalista – ġie nieqes fl-2017, u ħaġa tal-iskantament m’hemmx paġna tal-Wikipedija dwaru!) kien ippubblika artiklu fir-rivista tal-AŻAD li fih argumenta proprju dak li nemmen jien: li hemm ħafna x’titgħallem minn Marx. Bħal Cassar, ma naqbilx mal-proposti politiċi ta’ Marx, imma nista’ nilmaħ ħafna punti ta’ osservazzjoni fil-ħsieb tiegħu li naqbel magħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, intendi li naqbel mat-Taljani li fl-Ewwel Repubblika tagħhom sabu kif iżewġu l-ideat ta’ Marx mal-Kattoliċiżmu.
U dan, b’mod partikolari, minħabba fil-ħsibijiet tiegħi dwar il-kwestjoni ta’ kif qed jinsterqilna l-ħin.
Ikkunsidraw dal-eżempji: illum il-ġurnata, l-operazzjonijiet bankarji u x-xiri tal-biljetti tal-ajru wieħed jagħmilhom bil-kompjuter. Dak li dari kien jagħmilhulek skrivan tal-bank jew aġent tal-ivvjaġġar, illum tagħmlu int. Hu minn ewl id-dinja li lill-banek u lil-linji tal-ajru qed tiffrankalhom il-flus. U dal-iffrankar isir bil-ħidma tiegħek (jiġifieri bil-għoti tal-ħin tiegħek, riżorsa limitata) mingħajr iżda ma jingħatalek kumpens. Lanqas bħala tnaqqis fit-tariffa, ngħidu aħna.
Il-banek u l-linji tal-ajru baqgħu jżommu l-istess tariffi bħal dari. Fid-dinja tal-lum, bl-Intelliġenza Artifiċjali u t-teknoloġija avvanzata, il-prinċipju legali sagrosant li omnia labor optat premium (“kull xogħol jistħoqqlu kumpens”) żvinta fix-xejn. Daħal skjaviżmu ġdid, li bih aħna kostretti naħdmu mingħajr ma nitħallsu tax-xogħol tagħna. Jeħdulna l-ħin tagħna u ma jagħtuna xejn tiegħu b’kumpens.
(Agħar minn hekk, minħabba fl-Intelliġenza Artifiċjali u t-teknoloġija, aħna sirna lkoll meqjusin kriminali. Il-ħin kollu trid tiġġustifika li jekk se ċċaqlaq il-flus – flusek! – m’intix se tagħmel dan biex tevadi t-taxxi jew – u din hi tal-għaġeb! – biex tiffinanzja xi attività terroristika! Fid-dinja li qed ngħixu fiha llum, ilkoll kemm aħna suspettati li aħna terroristi! U rridu nippruvaw l-innoċenza tagħna! Saħansitra ħadulna l-impronti diġitali u l-Istati għandhom database bil-impronti ta’ kull wieħed u waħda minna… minkejja li ma għamilna l-ebda reat li jirrikjedi tali invażjoni tal-privatezza u tad-dinjità tagħna!)
Jeħdulna l-ħin mingħajr ma jagħtuna kumpens. U l-Intelliġenza Artifiċjali dan għamlitu faċli daqs li tixrob tazz’ilma!
Dwar dan is-serq tal-ħin, ħadd ma jgħid xejn! Ħadd! Huma biss ftit ħassieba Marxisti, bħall-Grieg Yanis Varoufakis u t-Taljani Ugo Mattei u Diego Fusaro, li jsemmgħu leħinhom. Imma għax huma Marxisti, jingħataw il-ġenb. Però, kif għedt u kif kien xamm tant tajjeb Peppinu Cassar, ma jfissirx li għax Marxist tarmih. Ħafna drabi trid tinjora s-soluzzjonijiet li joffri, imma ma jistax ikun hemm dubju li trid tagħti widen lill-analiżi tiegħu. Għax ta’ sikwit, il-Marxist ikollu analiżi tiswa mitqilha deheb.
Fil-lecture li tat, Marisa Xuereb tkellmet dwar l-importanza marsusa fl-idea ta’ PSI li nagħmlu pass lura mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum biex naħsbu dwar fejn sejra ħajjitna. Mhux biss fir-relazzjonijiet tal-wieħed mal-wieħed. Imma wkoll bħala kotra.
Dawn huma sfidi politiċi kbar. Ikun għaqli dak il-politiku li jagħti kas tagħhom u jitkellem dwarhom. Ukoll jekk joħroġ b’soluzzjonijiet li, fil-wiċċ, ikunu jidhru mhux popolari. Il-verità, iżda, hi li kif sejrin, deħlin fi żmien ta’ sfruttament mostruż mill-korporazzjonijiet u mill-entitajiet kummerċjali l-kbar, megħjun dal-isfruttament mill-Intelliġenza Artifiċjali u mit-teknoloġija li bil-mod il-mod qed ijassruna.
L-akbar vittmi huma ż-żgħażagħ, li ma jafux x’kien hemm dari u, mogħmijin mill-fixfixò tat-tlellix tal-aġġeġġi, jippermettu lil min jagħsarhom mingħajr ma jagħtihom kumpens. Huwiex dan l-element ċentrali tal-jasar?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 9 ta’ April, 2026.